‘Insebbħu Pajjiżna’ Fl-Irħula U L-Ibliet
Fit-tielet ġimgħa tal-ikbar inizjattiva kkordinata ta’ tindif u tistbiħ; ‘Insebbħu Pajjiżna’, din l-inizjattiva issa daħlet ukoll fl-irħula u fl-ibliet Maltin.
Din il-kampanja hija kkordinata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, bis-sehem ta’ bejn 450 u 700 ħaddiem li jaħdmu f’diversi entitajiet u dipartimenti tas-Servizz Pubbliku.
Ħaddiema tas-Servizz Pubbliku bdew mill-Belt Valletta u żoni turistiċi oħrajn bħal San Ġiljan, Sliema, Marsascala, San Pawl il-Baħar, Buġibba u Qawra, u bħalissa għaddej xogħol ta’ tindif, tisbiħ u manutenzjoni.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar ħabbar kif fl-aħħar jiem bdew id-diskussjonijiet mal-kunsilli lokali biex jidentifikaw l-aktar postijiet li jistgħu jgawdu minn din il-kampanja.
Is-Sur Cutajar stqarr kif “[f]il-jiem li ġejjin, se nkunu qed nieħdu azzjoni fuq din l-informazzjoni u nżuru l-irħula u l-ibliet biex l-inizjattiva ‘Insebbħu Pajjiżna’ tkun waħda effettiva, li tassew tagħmel differenza pożittiva. Bdejna mill-Belt u se nkomplu fil-lokalitajiet l-oħrajn. Din hi kampanja ambizzjuża li qed issir kemm għat-turist iżda wkoll għall-Malti. Kulħadd se jgawdi minn pajjiż nadif”.
Mil-lum, beda eżerċizzju ta’ bdil ta’ tabelli, filwaqt li tkompla l-eżerċizzju ta’ tneħħija ta’ graffitti u vandaliżmu ieħor fil-Belt Valletta.
Dawn ikomplu jkabbru l-lista ta’ xogħlijiet li saru s’issa, liema xogħolijiet jinkludu knis, tneħħija ta’ ħaxix, żebgħa ġdida ta’ traffic islands u central strips, ħasil ta’ toroq u tindif ta’ tabelli, bdil ta’ bozoz, manutenzjoni fuq bankijiet u għamara oħra tat-triq, installazzjoni ta’ railings ġodda, tiswijiet ta’ ħitan tas-sejjieħ u tal-franka, tneħħija ta’ tabelli illegali u żebgħa ġdida tas-sinjali tat-traffiku mal-art.