‘Insebbħu Pajjiżna’ Se Ssir Kampanja Regolari
Wara s-suċċess tal-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’, li rat ammont kbir ta’ toroq u postijiet pubbliċi jitnaddfu minn ħaddiema tas-Servizz Pubbliku, is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar ħabbar li dan il-koordinament biex insebbħu pajjiżna se jibda jsir fuq bażi regolari, filwaqt li diġà bdew isiru kampanji fuq il-media soċjali biex it-tisbiħ li sar, jinżamm.
Dan intqal waqt żjara li s-Segretarju Permanenti Ewlieni għamel lil diversi ħaddiema li kienu impenjati f’Birżebbuġa fejn kienu qed isiru bosta xogħlijiet varji, minn bdil ta’ railings u manutenzjoni, sa tindif ġenerali u xogħol ta’ żebgħa. Hu kien qed iżur lill-ħaddiema flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista.
Matul l-ewwel kampanja ta’ ‘Insebbħu Pajjiżna’, inġabru 630 tunellata ta’ skart mit-toroq, 270 tunellata ta’ skart tal-kostruzzjoni mormi illegalment, u 2,700 tunellata ta’ alka minn diversi bajjiet. Inżebgħu 217 traffic island u central strips, inbidlu 486 bozza tat-triq li ma kinux jaħdmu, issewwew 54 ħajt tas-sejjieħ jew tal-franka, u tneħħew 2,300 tabella illegali.
Fl-aħħar jiem saru wkoll diskussjonijiet ma’ aktar minn 30 kunsill lokali fejn ġew identifikati l-akbar bżonnijiet f’kull lokalità.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista saħaq kif din il-kampanja tixhed kemm għal dan il-Gvern l-ambjent, l-indafa, u t-tisbiħ ta’ pajjiżna huma verament importanti. Hu kompla jżid jgħid kif b’sinerġija waħda bejn l-entitajiet u ministeri differenti, din il-kampanja qed tħalli l-frott u s-suċċess mixtieq.
Is-Segretarju Parlamentari Debattista irringrazzja lil kull ħaddiem li b’xi mod jew ieħor ta sehemu, partikolarment lid-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni s-Sur Ramon Deguara, li kien strumentali għat-twettiq ta’ din il-kampanja.
“Dan huwa eżerċizzju pożittiv li se jsir rutina għall-ġid ta’ pajjiżna“, tenna s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, li l-uffiċċju tiegħu kkordina din il-kampanja.
Il-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’ involviet ħidma kordinata minn diversi ministeri, u l-ħaddiema ġejjin mid-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika, Parks Malta, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Ambjent Malta, Enemalta, Transport Malta, u l-Foundation for Tourism Zones. Dawn l-entitajiet se jerġgħu jaħdmu flimkien għal kampanji oħra ta’ ‘Insebbħu Pajjiżna’ fuq bażi regolari fil-ġejjieni qrib.
Aħna minn Stradarjali.com, nieħdu gost meta naraw lil pajjiżna nadif u li l-poplu jagħti sehemu biex Malta u Għawdex, jkunu ndaf kemm jista’ jkun. Prosit lill-poplu wkoll tas-sehem tiegħu.