Internet B’Xejn Għall-Istudenti!
Bħal ma tħabbar fil-Baġit għas-sena 2021, minn din is-sena skolastika, il-Ministeru għall-Edukazzjoni ser ikun qiegħed jassisti l-istudenti li huma eliġibbli għall-istupendju u jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom immedjatament wara li jispiċċaw l-edukazzjoni sekondarja obbligatorja tagħhom. Dan billi toffrilhom internet b’xejn għal sena sħiħa.
Flimkien ma’ miżuri oħra, din l-iskema qiegħda tiġi implimentata sabiex tgħin u tinkoraġġixxi iktar żgħażagħ ikomplu l-edukazzjoni tagħhom wara l-edukazzjoni obbligatorja.
L-istudenti kollha eliġibbli ser jirċievu vawċer għall-internet b’xejn li jammonta għal €300 u jista’ jissarraf f’wieħed mit-tlett kumpanijiet li jipprovdu s-servizz tal-internet f’pajjiżna; EPIC Communications Ltd, Melita Ltd. jew GO plc. B’dan il-vawċer l-istudenti jistgħu jixtru internet għal sena.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija uża l-istess pjattaforma li ntużat fl-2020 sabiex jitqassmu l-vawċers tal-€100.
Għal iktar informazzjoni dwar dan wieħed jista’ jċempel 153 jew jibgħat email fuq [email protected].