Investiment Ta’ Miljun Ewro Mill-Arċidjoċesi – Xelter Ġdid Għal Vittmi Nisa U Wliedhom

 Investiment Ta’ Miljun Ewro Mill-Arċidjoċesi – Xelter Ġdid Għal Vittmi Nisa U Wliedhom

Il-Knisja f’Malta inawgurat ix-xelter ‘Il-Milja’ għal nisa li esperjenzaw vjolenza u għal uliedhom. Ix-xelter, li se jkun immexxi mill-Knisja permezz ta’ Fondazzjoni Sebħ, se jilqa’ nisa li għaddew minn abbuż jew vjolenza, fosthom vittmi ta’ vjolenza domestika, traffikar tal-bnedmin, prostituzzjoni sfurzata kif ukoll abort sfurzat.

Dan ix-xelter ta’ tieni stadju (second-stage shelter), li jinkludi 12-il appartament li ser jilqgħu sa 36 persuna, ġie jiswa lill-Knisja f’Malta miljun ewro biex il-binja ġiet immodernizzata u mgħammra apposta għall-ħtiġijiet tan-nisa u t-tfal tagħhom. ‘Il-Milja’ jinkludi kmamar għat-terapija għat-tfal u l-adulti, kif ukoll spazji miftuħa għal rikreazzjoni f’ambjent sigur.

Ix-xelter li jinsab f’Dar Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun ġie inawgurat f’Jum l-Omm mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna fil-preżenza tal-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella. Għall-inawgurazzjoni attendew ukoll il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, ix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali u l-Familja Claudette Buttigieg, u l-Vigarju Episkopali għad-Djakonija Mons. Charles Cordina. L-inawgurazzjoni saret wara l-quddiesa tal-Ħadd mill-Knisja Ġesù Nazzarenu.

Fil-messaġġ tiegħu qabel inawgura u bierek dan ix-xelter, l-Arċisqof fakkar fil-maternità spiritwali ta’ diversi nisa, fosthom ta’ sorijiet, li minkejja li ma kellhomx, ħadmu sabiex jagħtu dinjità lil mijiet ta’ tfal u anke nisa li għaddew minn żmien diffiċli.

Irringrazzja lis-Sorijiet Missjunarji ta’ Ġesu Nazzarenu li permezz tal-ħidma tal-benefatturi u tal-fundaturi tagħhom, il-ġid li sar matul is-snin qed jaqsmuh ma’ nies oħrajn li għandhom bżonn ħafna għajnuna.

Id-Direttur ta’ Fondazzjoni Sebħ, Yvonne Mallia, spjegat li għal 18-il xahar in-nisa u t-tfal residenti fix-xelter se jkunu qed jingħataw l-għajnuna meħtieġa minn diversi professjonisti sabiex jerġgħu jiksbu l-indipendenza tagħhom u jibdew jgħixu ħajja ’l bogħod mill-abbuż u l-vjolenza. Yvonne Mallia qalet li x-xelter ġie inawgurat f’Jum l-Omm għaliex il-Knisja trid tgħaddi messaġġ li minkejja t-tbatija fiżika u mentali li għaddew minnha dawn in-nisa, dawn jixraqilhom jgħixu b’mod dinjituż, jiġu rrispettati u maħbuba.

Is-servizz ta’ xelter tat-tieni stadju ilu jiġi offrut mill-Knisja f’Malta għal dawn l-aħħar 20 sena. ‘Il-Milja’ ser jieħu post ix-xelter li kien f’Dar Qalb ta’ Ġesù fil-kumpless tal-Istitut Adelaide Cini f’Santa Venera, li l-Arċidjoċesi tat lil Hospice Malta għat-twaqqif ta’ St Michael’s Hospice li se jipprovdi servizzi ta’ kura paljattiva għal pazjenti b’mard terminali.

Fondazzjoni Sebħ hija għaqda mhux governattiva tal-Arċidjoċesi ta’ Malta li tmexxi erbat idjar residenzjali għal tfal u żgħażagħ, u toffrilhom ambjent sigur ta’ trobbija u ta’ mħabba. Fondazzjoni Sebħ tmexxi wkoll servizz ta’ ħidma soċjali ta’ prevenzjoni u sapport fil-komunità fil-Ħamrun u l-Marsa.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com