Irrestawrata Koppla Unika Fil-Każin Tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp

 Irrestawrata Koppla Unika Fil-Każin Tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp

B’fondi Ewropej mill-programm LEADER, u bl-assistenza ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, l-Għaqda Mużikali San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq qiegħda twettaq xogħol estensiv ta’ restawr fuq il-koppla prominenti tal-każin.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi fi żjara li għamel fuq il-post, qal li dawn il-fondi Ewropej qed jieħdu ħsieb u jippreservaw il-wirt kulturali ħaj tal-gżejjer Maltin u Għawdxin u spjega kif apparti r-restawr ta’ din il-koppla, l-Għaqda Mużikali San Ġużepp ibbenefikat minn total ta’ €70,000 f’fondi Ewropej mifruxa fuq proġetti varji. Tenna li dawn il-proġetti jinkludu installazzjoni ta’ lifts f’dan il-każin biex b’hekk tiżdied l-aċċessibilità.

Il-Kap ta’ Servizzi Ewropej f’Malta Mandy Falzon spjegat kif l-aġenzija tgħin għaqdiet bħall-Għaqda Mużikali ta’ Ħal Għaxaq f’dik l-imbuttatura li jkunu jeħtieġu biex japplikaw għall-fondi Ewropej, fejn qalet ukoll li l-aġenzija introduċiet servizz ġdid ta’ assistenza fl-implimentazzjoni tal-proġetti b’fondi Ewropej. Dan il-bżonn inħass mill-entitajiet stess li kienu sodisfatti ħafna bl-għajnuna li ħadu mill-uffiċjali ta’ SEM biex applikaw b’suċċess għall-fondi.

Ryan Vella, is-segretarju tal-għaqda, spjega x-xogħol li qiegħed isir fil-każin tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp, li nbena bejn l-1985 u l-1990 fejn qal li dan ir-restawr jikkonsisiti fit-tiswija tal-ħsarat strutturali li kienu meħtieġa biex l-istruttura titħares mill-elementi.

Dan ir-restawr ġie ffinanzjat permezz tal-ewwel miżura taħt il-programm Ewropew LEADER amministrata mill-Fondazzjoni Gal Xlokk.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com