“Irridu Nsaħħu D-Drittijiet Tagħna Fuq Kwistjonijiet Ambjentali” – Cyrus Engerer
“Irridu nsaħħu d-drittijiet tagħna fuq kwistjonijiet ambjentali biex nipproteġu saħħitna. Kulħadd għandu jkollu aċċess għall-ġustizzja ambjentali”, qal l-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer f’diskors b’saħħtu fil-Plenarja tal-Parlsment Ewropew.
“Dan għandu jkun il-legat tagħna waqt l-emerġenza tal-klima u ekoloġika li qed nesperjenzaw,” saħaq Engerer.
Engerer tkellem fuq l-importanza li nissalvagwardjaw id-dritt ta’ kull ċittadin Ewropew, kemm minn ġenerazzjonijiet preżenti u anke dawk futuri, li jgawdu minn ambjent li hu tajjeb għal saħħithom u għall-benessere tagħhom.
Fakkar li dan iġib miegħu responsabbiltà fuq kull persuna biex tgħolli l-karta l-ħamra meta dak id-dritt jiġi perikolat u meta riskji ambjentali jitpoġġew fil-qiegħ tal-lista tal-prijoritajiet u l-interessi fir-rigward ta’ attivitajiet li qed jiġu żviluppati fil-komunitajiet tagħna.
“Il-biodiversità tagħna, l-ilma tagħna, il-kwalità tal-arja tagħna u l-ħamrija tagħna ma jistgħux jagħmlu huma din il-ġlieda għall-ġenerazzjonijiet futuri tagħna. Aħna l-vuċi tagħhom u għandu jkun l-legat tagħna li niżguraw li nħallu warajna ambjent san, jekk jista’ jkun, aħjar minn dak li writna aħna,” qal Engerer.
Huwa rabat dan mal-bżonn li nsaħħu l-aċċess għall-ġustizzja li għandu jkollu kull persuna fejn jidħlu kwistjonijiet ambjentali u proġetti u attivitajiet li jistgħu jwasslu għad-degradazzjoni tal-ambjent komuni. F’dan ir-rigward huwa tenna li l-Unjoni Ewropea għandha obbligu morali li tkun pijuniera globali u li għalhekk mhuwiex aċċettabbli li jkun hemm xi nuqqasijiet fil-konformita’ tagħha ma’ obbligi internazzjonali f’dan il-qasam.
Qal li wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea tifhem aħjar l-importanza tal-irwol tagħha fuq kwistjonijiet ambjentali u tassumi r-responsabbiltajiet li jiġu ma’ dan r-rwol.