“Irridu Sistema Li Verament Twassal Għar-Riforma Tal-Persuna” – PN

 “Irridu Sistema Li Verament Twassal Għar-Riforma Tal-Persuna” – PN

Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista, intqal li hemm bżonn li mhux biss ikun hemm proċess legali ġust u mhux imtawwal, imma rridu naraw li dak il-bniedem li jintbagħat il-ħabs jiġi riformat biex meta joħroġ mill-faċilitá, s-soċjetá tilqgħu mingħajr stigma u jkun jista’ jerġa’ jintegra fis-soċjetá mill-aktar fis.

Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel lill-Fondazzjoni RISE. Matul iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu l-opportunitá jiltaqa’ mal-persuni li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ din il-fondazzjoni.

Bernard Grech saħaq li permezz tal-clusters tiegħu l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem biex joħloq politika li tgħin biex il-faċilitá korrettiva ta’ Kordin tkun verament faċilitá riformattiva.

Huwa saħaq li l-persuna li żbalja għandu wkoll ikun trattat b’dinjitá. Matul din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista nieda disa’ proposti biex f’pajjiżna jkollna detenzjoni b’dixxiplina imma wkoll dinjitá. Il-proposti jindirizzaw b’mod konkret issitwazzjoni ta’ ffullar fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li qed tqarreb il-faċilità lejn kollass.

Il-cluster għas-sigurtà nieda disa’ inizjattivi biex tissokta d-diskussjoni li, jekk jiġu addottati, iwasslu għal tnaqqis fil-popolazzjoni tal-ħabs f’Malta u għaldaqstant jinkisbu kundizzjonijiet aktar umani għall-priġunieri, ambjent tax-xogħol aħjar għall-gwardjani u s-serħan il-moħħ li ssitwazzjoni hi kkontrollata.

Matul din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza Beppe Fenech Adami kif ukoll il-kandidati għallelezzjoni ġenerali u membri fil-cluster tas-sigurtá Graziella Galea u Darren Carabott.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com