It-Tieni Parti Tal-Konsultazzjoni ‘Lejn Xandir Inklussiv’

 It-Tieni Parti Tal-Konsultazzjoni ‘Lejn Xandir Inklussiv’

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli ħadu sehem fit-tieni parti tal-konsultazzjoni ‘Lejn Xandir Inklussiv’, li trattat kif persuni neqsin mid-dawl jistgħu jkunu parteċipi bis-sħiħ fil-qasam tax-xandir ta’ pajjiżna. Id-diskussjoni ssegwi dik li kienet saret f’Marzu; intiża għal persuni neqsin mis-smiegħ.

Tul din id-diskussjoni partijiet interessati, fosthom il-Gvern, l-istazzjon nazzjonali, kif ukoll organizzazzjonijiet fil-qasam tad-diżabilità, tkellmu dwar kif ix-xandir fil-futur jista’ ikun iżjed inklussiv għal persuni b’diżabilità.

Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela qal li titjib fil-kwalità tax-xandir ma jieqafx biss ma’ titjib u investiment fit-teknoloġija, iżda jinkludi ukoll l-impenn li l-programmi mxandra fuq l-istazzjonijiet nazzjonali jaslu għand kulħadd.

Il-Ministru Abela spjega kif il-programmi kollha tar-radju u t-televiżjoni huma kollha disponibbli onlajn u jistgħu jiġu segwiti minn persuni neqsin mid-dawl għaliex ix-xandiriet huma viżwalment akkumpanjati bl-awdjo. Diversi artikli fuq is-sit tal-istazzjon nazzjonali ukoll jinkorporaw fihom is-servizz imxandar fuq it-televiżjoni.

Qiegħda tkun esplorata l-possibbiltà li artikli li jitilgħu fuq is-sit jinkludu magħhom awdjo li permezz tiegħu persuni neqsin mid-dawl jistgħu jsegwu dak li hemm miktub. Il-Ministru Abela tenna li jixtieq li persuni b’diżabilità ma jkunux biss udjenza iżda membri direttament attivi fix-xandir.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli saħqet li fil-jiem li ġejjin se tkun varata l-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Diżabilità, li se tirrevedi l-istatus ta’ persuni neqsin mid-dawl u b’nuqqas ta’ vista f’Malta biex tkun ta’ salvagwardja fl-interessi tagħhom.

Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li l-għan tal-Gvern huwa li dejjem itejjeb is-servizzi diġà offruti, filwaqt li jagħmel ir-riċerki biex, fejn ikun possibbli, jiżdiedu is-servizzi jew l-apparat skont il-bżonn. Il-Ministru tkellmet dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-konsultazzjonijiet pubbliċi biex naħdmu u nimxu flimkien lejn pajjiż aktar inklussiv.

Preżenti għall-konsultazzjoni kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir Dr Joanna Spiteri, kif ukoll il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà Samantha Pace Gasan.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com