“Jekk Dan Il-bini Jinbena, Se Jħassar Darba Għal Dejjem Din It-Triq Għal Qalb Iż-Żwieten”
L-għaqda volontarja Wirt iż-Żejtun li taħdem sabiex jitkattar l-apprezzament tal-wirt kulturali u storiku taż-Żejtun uriet it-tħassib tagħha għall-approvazzjoni ta’ permess mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tinbena blokka ta’ 4 sulari u ieħor irtirat quddiem Knisja ta’ Ġesù Nazzarenu fi Triq San Girgor.
Dan jissejjah Summary Procedure, fejn l-applikazzjoni lanqas biss titla’ quddiem bord qabel tiġi deċiża, saħqet l-għaqda filwaqt li spjegat kif il-permess inħareġ fl-2019 u kien biss riċentament li Wirt iż-Żejtun saret taf bih.
Tennew li fil-proċess ta’ din l-applikazzjoni lanqas biss ittieħed konsiderazzjoni li dan is-sit jinsab 15 il-metru l-bogħod minn bini skedat Grad 1 – il-Knisja ta’ Ġesu’ Nazzarenu u eżatt barra l-Urban Conservation Area (UCA).
“Bħala għaqda inkunu qed nonqsu lil poplu Żejtuni u lil dawk li ġejjin warajna jekk nibqaw passivi fuq każ bħal dan.”
Saħqu li kitbu u talbu lill-Awtorita’ tal-Ippjanar biex tinvestiga dan il-każ u tieħu l-passi kollha skont il-liġi biex dan il-permess jiġi rtirat.
“Jekk dan il-bini jinbena, ser iħassar darba għal dejjem id-dehra ta’ din it-triq tant sabiha u tant għal qalb iż-Żwieten.”