Jidħlu Fit-Tieni Ġimgħa X-Xogħlijiet Fuq It-Training Grounds F’Ta’ Qali
Daħlu fit-tieni ġimgħa tagħhom ix-xogħlijiet fuq it-Training Grounds f’Ta’ Qali, b’investiment fuq proġett kapitali ta’ €2m li l-Malta Football Association se tkun għaddejja biex ittejjeb l-infrastruttura tagħha fiż-zmien li ġej u bħala parti mal-istrateġija varata ftit xhur ilu.
Proġett li mistenni jkun lest fl-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu, fil-ħin biex it-Tim Nazzjonali Malti jkompli bl-aħħar preparamenti tiegħu qabel il-logħba ta’ Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja, tant mistennija fl-1 ta’ Settembru f’darna kontra Ċipru.
Fl-aħħar jiem tkomplew ix-xogħlijiet biex jinqala’ l-wiċċ ezistenti, flimkien ma’ xogħlijiet anċillari bil-għan li jkollna Training Grounds tal-ogħla livell professjonali.
Anke t-turiżmu sportiv mistenni jibbenefika minn dan l-investiment hekk kif aktar klabbs u Timijiet Nazzjonali barranin ta’ livell għoli jiġu mħajra lejn pajjiżna għat-taħriġ tagħhom u fi klima ideali.
Dawn it-Training Grounds kienu nbnew l-ewwel darba fil-bidu tas-snin tmenin u wara erbgħin sena nħass il-bżonn ta’ investiment sinjifikanti li għandu wkoll jgħolli l-livell tal-plejers Maltin.
Dan il-proġett jikkonferma l-impenn tal-Malta FA b’konformità mal-istrateġija biex tkompli tiżviluppa l-infrastruttura mal-pajjiż kollu fis-snin li ġejjin.