Jinstab Qabar Puniku F’Ħaż-Żabbar

Ġie skopert qabar Puniku f’Ħaż-Żabbar li ġibed l-attenzjoni ta’ bosta. Dan ikompli juri li pajjiżna huwa tassew teżor fl-aspett storiku u kulturali.
Il-Water Services Corporation ikkollaboraw mas-Sovrintendenza tal-Wirt kulturali biex is-sejba tkun protetta bl-aqwa mod. Jidher li fost oħrajn instabu anfora, żewġ urni, lampa taż-żejt, flixkun tal-fwieħa tal-ħġieġ u reċipjenti oħra tal-fuħħar tipiċi tal-perjodu Puniku.
Is-Sindku Żabbari Jorge Grech tenna li ser jagħmel ħiltu biex dawn il-fdalijiet ikunu kkunsidrati li jsibu posthom mal-kollezzjoni li hemm fil-Mużew tas-Santwarju f’Ħaż-Żabbar.
Fl-istess mużew, hemm ukoll fdalijiet oħra tal-istess perjodu fost kollezzjonijiet oħra. Il-mużew huwa ndukrat b’għożża kbira u għandu livell għoli ta’ kif għandu jkun mużew.