Jitnieda D-19-Il Edizzjoni Tal-Parlament Nazzjonali Taż-Żgħażagħ

 Jitnieda D-19-Il Edizzjoni Tal-Parlament Nazzjonali Taż-Żgħażagħ
Nhar il-Ġimgħa 21 ta’ mejju 2021, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ nieda d-19-il edizzjoni tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Liam Axisa, President tal-KNŻ tkellem dwar l-importanza tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ biex iż-żgħażagħ jingħataw pjattaforma biex iqajmu t-vuċi tagħhom u jesprimu l-opinjonijiet dwar diversi kwistjonijiet kurrenti.
Id-Direttriċi għad-Diskors Politiku, Martina Grech, kompliet tiddeskrivi it-temi li se jiġu diskussi matul is-sessjoni  ta’ din is-sena. Żgħażagħ ta’ bejn it-13 u s-16-il sena se jkunu qed jiddiskutu Il-Kaċċa Sostenibbli u d-Drittijiet tal-Annimali, kif ukoll L-Ispazzji Pubbliċi għall-Użu Rikreattiv, filwaqt li żgħażagħ li għandhom‘l fuq minn 16-il sena se jindirizzaw Riforma Parlamentari: mill-Elezzjoni sal-Leġislatura, Il-Knisja u l-Istat: Għandu jkun hemm Reliġjon Statali? u l-Agrikoltura u s-Sigurtà tal-Ikel.
Waqt it-tnedija, kien hemm preżenti wkoll l-Ispeaker Parlamentari l-Onor. Anġlu Farrugia, l-Onor. Clifton Grima, u l-Onor. Karl Gouder li tkellmu dwar proposti ewlenin imressqa fi snin passati tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ u li aktar tard ġew implimentati fuq livell nazzjonali bħall-Vot 16 u d-Dikjarazzjoni ta’ Emerġenza fil-Klima.
Fi stqarrija, il-KNŻ saħaq li se jkompli jaħdem biex jipprovdi pjattaforma għat-tisħiħ ta’ dibattiti u diskussjonijiet fost iż-żgħażagħ u jressaq il-pożizzjonijiet u l-opinjonijiet tagħhom fuq quddiem fl-aġenda nazzjonali.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com