Jitnieda L-Att Li Jagħti Aktar Drittijiet Lill-Vittmi Ta’ Reat

 Jitnieda L-Att Li Jagħti Aktar Drittijiet Lill-Vittmi Ta’ Reat

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis ħabbar li l-vittmi tal-kriminalità jistgħu jitolbu kumpens għall-konsegwenzi li jkunu sofrew minħabba r-reat.

“F’ħafna stati membri, l-aċċess tal-vittmi ta’ reat għal kumpens huwa diffiċli iżda f’pajjiżna qegħdin nieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma ġusti u proporzjonati. Il-vittmi tal-kriminalità u l-vjolenza m’għandhomx jgħixu aktar tbatija riżultat ta’ dak ir-reat, b’mod partikolari problemi finanzjarji”, saħaq il-Ministru.

Il-Ministru Zammit Lewis spjega li permezz ta’ dan l-Att, il-vittmi, jingħataw aktar drittijiet, fosthom dak li jiġu akkumpanjati minn persuna tal-fiduċja tagħhom u assistenza legali matul l-interogazzjoni.

Is-Segretarju Permanenti Johan Galea spjega kif daħlu numru ta’ emendi fis-seħħ li jġibu l-leġiżlazzjoni tagħna f’konformità mal-istandards Ewropej fl-ambitu tad-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità waqt proċeduri kriminali. Uħud mit-tali drittijiet mogħtija lill-vittmi tal-kriminalità jinkludu: id-dritt li jiġi żgurat li  jirċievu valutazzjoni individwali u f’waqtha; id-dritt li intervisti tal-vittmi jsiru mingħajr dewmien mhux ġustifikat wara li jkun sar l-ilment fir-rigward tar-reat kriminali lill-Pulizija Eżekuttiva; u l-għoti ta servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi.

Min-naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti Eunice Grech Fiorini spjegat kif dan l-Att ser jgħin lill-Agenzija u jpoġġiha f’pożizzjoni aħjar biex tgħin lill-vittma b’mod alternattiv.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com