Jixhed Li Kien Miexi L-Belt U Għaraf Lir-Raġel Li Prova Joqtlu

 Jixhed Li Kien Miexi L-Belt U Għaraf Lir-Raġel Li Prova Joqtlu

Mahmed Ibrahim Osman ta’ 25 sena mis-Sudan residenti fiċ-ċentru ta’ Ħal Safi u jaħdem fl-industrija tal-bini, tressaq il-Qorti mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ Ali Ahmed Mohamed.

L-Ispettur Roderick Attard spjega fil-Qorti li fl-14 ta’ Mejju kien hemm argument fil-Marsa li fih żagħżugħ barrani safa midrub li ġie ċċertifikat gravi u f’dan il-każ intużat sikkina. L-Ispettur qal li l-għada tal-argument, l-allegat vittma kien miexi  l-Belt u ra lill-akkużat u għarfu. Qal li għamel aċċenn lill-pulizija biex jarrestawh. L-Ispettur qal li l-allegat vittma se jiġi arrestat ukoll għax Mahmed Ibrahim Osman allega li fl-argument aġixxa biex jiddefendi ruħu.

Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras hu kien akkużat ukoll li kiser il-bon-ordni u li hedded, li ġarr arma mingħajr liċenzja, li kien f’pussess ta’ droga sintetika u li ma kinx liebes maskra u li hu riċediv. Permezz tal-avukat tal-għajnuna legali, Joe Bonnici, wieġeb li mhux ħati tal-akkużi kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba nuqqas ta’ affidabilità, għax m’għandux indirizz fiss u għax ir-reat huwa serju u hemm biża ta’ intralċ tal-provi għax l-allegat vittma għad irid jixhed.

Id-difiża qalet li skont l-istqarrija tal-akkużat, dan hu każ ta’ self defence. Il-Qorti ċaħdet it-talba għax l-akkużat m’għandux residenza fissa u għad irid jixhed l-allegat vittma.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com