“Kull Twelid Huwa Tant Uniku Li Dejjem Iħalli Emozzjonijiet Speċjali!”
Waħda mill-eqdem professjoni hija dik tal-qabla, hekk kif sa’ mill-qedem il-mara kienet tfittex lil xi ħadd sabiex jgħina waqt il-ħlas.
Fil-Jum Internazzjonali tal-Qwiebel tkellimna aktar dwar dan ma’ Pauline Borg, qabla u membru fil-kumitat tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Qwiebel. Din l-assoċjazzjoni minbarra li tilqa’ fi ħdana lill-qwiebel u tippromwovi din il-professjoni, tkun vuċi għall-ommijiet, l-ulied u l-familji. Pauline, spjegat kif din il-professjoni evolviet tul is-snin u llum tinkorpora fiha x-xjenza u l-aspett psikoloġiku u soċjali.
Tul l-intervista spikkat id-dedikazzjoni tal-qwiebel partikolarment għal fatt li jkollhom relazzjoni fil-qrib mal-ġenituri tul it-tqala u l-proċess tat-twelid jista’ jieħu ’l fuq minn 12-il siegħa. Fattur ieħor importanti huwa l-istamina li dawn il-professjonisti għandhom, fejn jiltaqgħu ma’ każijiet sensittivi, għaliex kull twelid għandu l-istorja unika tiegħu u jkunu ta’ spalla għal ġenituri anke meta sfortunatament jinqalgħu l-kumplikazzjonijiet. Il-qabla tkun għall-ġenituri kemm mill-aspett fiżiku, kif ukoll mill-aspett psikoloġiku. Il-qwiebel jkunu ukoll parti minn tim ta’ professjonisti li jieħdu ħsieb il-koppja f’każijiet ta’ korriment, fejn ir-rata ta’ korriment hija ta’ 1 minn kull 5, jew aħjar 20%.
Pauline b’passjoni tkellmet magħna kif “kull twelid huwa tant uniku li dejjem iħalli emozzjonijiet speċjali”. Tkellmet ukoll fuq l-esperjenza li kellha, flimkien mal-kollegi tagħha fit-Tanzanija fejn esperjenzaw kultura differenti fejn jidħol il-proċess tat-twelid ta’ tarbija.
Qasmet magħna esperjenza ġdida li għadu kif kellha, fejn għall-ewwel darba hi ukoll saret omm, ta’ tewmin u esperjenzat x’iħossu n-nisa meta l-qwiebel jieħdu ħsibhom b’dedikazzjoni kbira. Kompliet tirrealizza kemm ix-xogħol tal-qabla huwa importanti u kemm l-iktar affarijiet żgħar, bħat-tbissima, jħallu marka f’din l-esperjenza unika.
Wieħed jinnota ukoll li l-irwol ta’ qabla ma jieqafx biss mal-ħlas tat-tarbija, imma normalment ikompli sa’ 6 ġimgħat wara t-twelid, u f’każijiet ta’ saħħa psikoloġika jibqa’ sejjer sa’ sena. Il-qwiebel jaqdu ukoll irwol b’saħħtu fil-qasam tat-treddigħ tat-trabi, fejn jigwidaw lill-ommijiet bl-aħjar mod possibbli fil-Breastfeeding Clinic.
Il-Assoċjazzjoni Maltija tal-Qwiebel taqsam diversi informazzjoni mal-pubbliku fuq ix-xogħol tagħha. Wieħed jista’ iżur il-website https://maltamidwivesassociation.com kif ukoll il-paġna ta’ Facebook ta’ din l-assoċjazzjoni https://www.facebook.com/maltamidwivesassociation għal iktar tagħrif.
Ritratt: Diane Camilleri