L-Eliminazzjoni Ta’ Kontenut Ta’ Natura Terroristika U Estremista Vjolenti Mill-Internet

 L-Eliminazzjoni Ta’ Kontenut Ta’ Natura Terroristika U Estremista Vjolenti Mill-Internet

Il-President ta’ Malta, George Vella jafferma l-pożizzjoni soda ta’ Malta sabiex tkun garantita t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem u jiġi eliminat il-kontenut ta’ natura terroristika u estremista vjolenti minn fuq l-internet.

Waqt l-indirizz tiegħu f’laqgħa għolja virtwali organizzata minn New Zealand u Franza biex jitfakkar it-tieni anniversarju tal-Appell ta’ Christchurch, il-President ddeskriva lil Malta bħala sostenitur qawwi ta’ internet ħieles, miftuħ, u mħares mill-attakki li jkollu kapaċità kbira li jippromwovi l-konnettività, isaħħaħ l-inklużività soċjali, u jinkoraġġixxi t-tkabbir ekonomiku.

Tkellem kif pajjiżna jagħraf ukoll il-ħtieġa kruċjali li jittieħdu passi sinifikanti oħra sabiex jiġi miġġieled l-użu tal-internet minn terroristi u gruppi estremisti vjolenti bħala għodda għall-propaganda tagħhom; użu li jabbuża mil-libertajiet u l-ftuħ tal-internet.

L-Appell ta’ Christchurch tnieda mill-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern, u l-President Franċiż, Emmanuel Macron, fil-15 ta’ Mejju tal-2019 b’reazzjoni għax-xandir dirett ta’ attakki terroristiċi fuq żewġ moskej fi Christchurch, New Zealand. 

Il-prinċipji ewlenin ta’ ‘L-Appell’ huma r-rispett lejn il-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif ukoll il-protezzjoni tagħhom, u l-appoġġ għal internet ħieles, miftuħ, u mħares mill-attakki. 

L-Appell huwa magħmul minn impenji volontarji għal appoġġ lill-gvernijiet u l-kumpaniji tat-teknoloġija biex jeliminaw kontenut ta’ natura terroristika u estremista vjolenti fuq l-internet. 

Il-Laqgħa Għolja laqqat flimkien kapijiet ta’ stat u ta’ gvern kif ukoll mexxejja mill-industrija tat-teknoloġija u n-network konsultattiv tas-soċjetà ċivili tal-Appell, biex jevalwaw il-progress, jerġgħu jiffokaw l-isforzi komuni tal-komunità tal-Appell ta’ Christchurch, u jġeddu l-pjan ta’ ħidma tagħhom biex jeliminaw kontenut ta’ natura terroristika u estremista vjolenti fuq l-internet.

Il-President Vella afferma l-ħtieġa urġenti biex il-komunità tal-Appell ta’ Christchurch tissaħħaħ, u l-ħtieġa li d-diversi partijiet interessati jkunu involuti b’mod li l-industrija taħdem id f’id mal-Komunità tal-Appell, mal-gvernijiet tal-pajjiżi sħab, mal-akkademiċi, u mas-soċjetà ċivili biex jipprevjenu u jikkumbattu atti ispirati minn motivi radikali u estremisti. 

Ħidmet Malta ser tiffoka l-iktar fuq il-prevenzjoni: permezz tal-‘Prevent Network’ tagħha, għandha l-għan li toħloq iktar reżiljenza u ssaħħaħ l-iżvilupp tal-politika tagħha dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti fil-forom kollha tagħhom billi tinvolvi lil numru sostanzjali ta’ entitajiet governattivi u ċivili oħrajn. Malta hija ukoll kburija li tospita u tappoġġja b’mod attiv il-ħidma tal-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u l-Istat tad-Dritt (IIJ), li nħoloq fl-2014 mill-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com