L-EMA Tapprova T-Tilqima Għat-Tfal Ta’ Bejn It-12 U L-15-Il Sena
L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, l-EMA, irrakkomandat l-użu tat-tilqima kontra l-COVID-19 fost it-tfal ta’ bejn it-12 u l-15-il sena.
Il-Ministru għas-saħħa Chris Fearne qal li din l-aħbar hija waħda tajba u sostna li l-awtoritajiet tas-saħħa ser jibgħatu l-appuntamenti ta’ dawn it-tfal wara l-perjodu tal-eżamijiet.
Fi stqarrija, l-EMA li hija r-regolatur tal-mediċini fis-suq Ewropew qalet li l-vaċċin diġà huwa approvat għall-adulti u għall-adolexxenti ta’ sittax-il sena u aktar.
L-Aġenzija qalet li l-użu tal-vaċċin fit-tfal ta’ bejn il-12 u l-15-il sena se jkun l-istess kif inhu għal dawk ta’ 16-il sena u aktar. It-tilqima se tingħata f’żewġ dożi fin-naħa ta’ fuq tad-driegħ fi żmien tliet ġimgħat.
L-effetti tat-tilqima fost it-tfal ġie investigat fost 2,260 tifel u tifla ta’ bejn it-12 u l-15-il sena. L-istudju wera li s-sistema immunitarja ta’ dan il-grupp kienet fl-istess ilma ta’ dawk ta’ bejn is-16 u l-25 sena. L-effettività tagħha kienet ikkalkulta fost grupp ta’ 2,000 tifel u tifla ta’ din l-età li ma kellhom ebda sinjali minn qabel ta’ xi infezzjoni.
L-EMA qalet li l-istudju wera li l-vaċċin kien 100 fil-mija effettiv biex jipprevjeni l-COVID-19 (dan minkejja li r-rata vera tista’ tkun ta’ bejn 75% u 100%)
L-aġenzija żiedet tgħid li s-side effects fi tfal ta’ bejn it-12 u l-15-il sena kienu simili għal dawk minn 16-il sena ’l fuq.