L-Isbaħ Fjura Għal Jum l-Omm!
Hekk kif nhar il-Ħadd jiġi ċċelebrat Jum l-Omm, ħafna huma dawk li jaħsbu x’rigal sejrin jagħtu lil għaziza ommhom. Bosta jagħżlu li jixtru bukket fjuri għal din l-okkazzjoni.
Strada Rjali ltaqa’ ma’ Marthese Delia li tbiegħ kif ukoll tagħmel arranġamenti tal-fjuri, sabiex jistaqsi x’inhi l-iktar fjura popolari f’dan iż-żmien.
Marthese qaltilna li l-ward jibqgħu l-iżjed popolari, speċjalment dawk tal-kulur roża. Oħrajn jagħżlu li jħallu f’idejn il-bejjiegħ sabiex joħloq bukkett mill-isbaħ. Marthese qaltilna li personalment taħseb li l-gerbera u l-qronfol huma fost l-isbaħ fjuri li wieħed jista’ jagħżel sabiex jagħti rigal f’din il-ġurnata.
Sostnit li matul din is-sena rajna żieda fis-servizz ta’ delivery sabiex minħabba l-pandemija dak li jkun jevita li jmur personalment b’rigal għand ħaddieħor, iżda permezz ta’ din l-ordni xorta waħda jkun qiegħed iferraħ lil maħbubin tiegħu.
Interessanti wieħed jinnota li ħafna huma dawk li f’Jum l-Omm jixtru bukkett mhux għall-omm biss, iżda ukoll għal kunjata jew għal mara tagħhom. Marthese Delia tkellmet magħna kif tieħu pjaċir tara missirijiet li jġibu t-tfal tagħhom sabiex ikunu huma stess li jagħżlu fjura b’rigal lil ommhom f’dan il-jum speċjali. Sinifikat sabiħ immens.
Jiġu ukoll ordnati bukketti u arrangamenti sabiex jitpoġġew fuq l-oqbra tal-ommijiet li m’għandhomx magħna fiżikament, iżda l-imħabba tagħhom tibqa’ magħna għal dejjem.
Din is-sena wieħed jinnota kif żdidu l-ordnijiet ta’ familjari li jinsabu barra mill-pajjiż u ġeneralment f’dan iż-żmien tas-sena kienu jiġu Malta, sabiex xorta waħda jferħu l-ommhom b’bukkett fjuri f’dan il-jum.
Ritratti: Marthese Delia