L-MEP Josianne Cutajar B’Inkarigu Fuq Programm Ta’ Riċerka U Innovazzjoni

 L-MEP Josianne Cutajar B’Inkarigu Fuq Programm Ta’ Riċerka U Innovazzjoni

Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar kienet fdata bir-responsabilità ta’ file importanti fi ħdan il-Kumitat ITRE (Kumitat Ewropew għall-Industrija, Riċerka u Enerġija) sabiex permezz tal-implimentazzjoni tal-programm Horizon Europe, jinstabu modi kif investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni jkunu ta’ benefiċċju dirett kemm għall-familji, iżda anke għan-negozji, partikolarment dawk li jkunu lesti li jidħlu fi sħubija mas-settur pubbliku.

Bħalissa d-diskussjoni fuq dan il-programm qed tkun iċċentrata madwar strateġija għas-7 snin li ġejjin bil-għan li jkunu maħluqa proġetti ta’ sħubija bejn is-settur privat u dak pubbliku madwar l-Unjoni Ewropea sabiex jinstabu l-aħjar modi possibli sabiex tiżdied il-kompettività u r-reżiljenza partikolarment wara l-pandemija ta’ Covid-19.

Fiċ-ċentru tal-ħidma tal-MPE Maltija Josianne Cutajar hemm kif jistgħu jkunu mgħejjuna setturi bħal dawk tal-farmaċewtika u s-saħħa sabiex iżidu u jtejbu l-għodod tagħhom tar-riċerka, kif ukoll iż-żieda fil-konnetività fis-settur diġitali.

L-MPE saħqet li l-istrateġija għall-farmċewtika li qed tiġi diskussa fuq livell Ewropew għandha timxi id f’id ma’ investiment li diġà hemm ippjanat taħt il-programm Horizon Europe, li bħalissa qed taħdem fuq l-implimentazzjoni ta’ parti minnu l-istess MPE Cutajar. Wara ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew se jkun hemm fond ta’ €95 biljun, li parti minnu se jiffoka fuq riżorsi addizzjonali u riċerka adegwata fil-qasam tas-saħħa. “Għandi fiduċja kbira f’dan il-programm għaliex  ir-riċerka u l-iżvilupp fis-saħħa u l-mediċina jistgħu jagħtu imbuttatura b’saħħitha lil dan il-qasam u l-aċċessibbiltà tiegħu u l-aktar ħaġa importanti hi li se jgawdu minnu l-familji” stqarret Josianne Cutajar.

Dr Cutajar tenniet li xogħol bħal dan huwa importanti ħafna li jsir hekk kif l-Ewropa qed talloka biljuni kbar ta’ ewro għar-riċerka u l-innovazzjoni li bħala pajjiż għandna nisfruttaw.

Josianne Cutajar stqarret li d-daqs ta’ pajjiżna jippermetti li nkunu ferm aktar aġili, kif diġa’ rajna f’okkażjonijiet oħra mhux daqstant ‘il bogħod, sabiex bħala pajjiż inkunu minn ta’ quddiem fejn tidħol implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet kompettitivi f’oqsma ta’ sfida f’setturi bħas-saħħa, l-ambjent u t-teknoloġija.

“Se nibqa’ nassigura li programmi bħal dan ikomplu jkunu ta’ benefiċċju għal Maltin u l-Għawdxin kollha f’dinja fejn ir-riċerka u l-innovazzjoni qed tingħata tant importanza sabiex tkun mekkaniżmu li permezz tiegħu jingħelbu l-isfidi” temmet tgħid l-MPE Josianne Cutajar.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com