L-ODZ f’Ħal-Farruġ Mhedded Minn Kumpless Ta’ Mħażen
Ir-residenti ta’ Ħal-Farruġ u ħdax-il għaqda itennu li qegħdin joġġezzjonaw għall-qerda ta’ razzett li jinsab f’art ODZ, biex minfloku jinbena kumpless ta’ mħażen. Iktar minn 600 oġġezzjoni, inkluż oġġezzjonijiet mill-kamra tan-nar ta’ San Bastjan u mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Luqa ntbagħtu lill-Awtorità tal-Ippjanar minn meta kienet saret l-applikazzjoni fl-2018. Hemm diversi raġunijiet għalfejn l-iżvilupp propost għandu jiġi miċħud, li qabel magħhom ukoll il-Case Officer.
Graffitti qalu li l-perit qal li r-razzett m’għadux jintuża Dan mhux minnu għax fuq is-sit għadhom qed jinżammu l-annimali. Dan imur kontra l-policy li tistipula li razzett ma jridx ikun użat għal 10 snin qabel ikun jista’ jiġi meqrud. Barra minn hekk, anki kieku dan kien veru, skont ir-Rural Policy and Design Guidance, razzett ma jistax jinqered u/jew jiġi mibdul fi żvilupp għall-użu industrijali. Apparti dan, parti mill-art tista’ tinħadem. Il-perit qed jipproponi li tinqered din l-art agrikola u tiġi mibdula f’imħażen. Dan l-aħħar, l-applikant ippropona bidla fl-iskop tal-iżvilupp propost minn Klassi 5A għall-Klassi 6A li tinvolvi Ħażna u Distribuzzjoni, u l-Case Officer irrakkomanda li din għandha tkun miċħuda wkoll.
L-applikazzjoni tmur ukoll kontra policy oħra fl-RPDG li tgħid li biex isir żvilupp bħal dan, irid ikun hemm ġa triq eżistenti li twassal għalih. Din it-triq ma teżistix f’Ħal-Farruġ, żona kwieta fejn lanqas ħanut tal-merċa ma hu permess. Studju li sar biex ikejjel l-impatt tat-traffiku sab li dan il-proġett mhux sostenibbli minħabba l-impatti addizzjonali mhux pjanati li se jkollu fuq it-toroq prinċipali fiż-żona li diġa jgħaddi minnhom ħafna traffiku. Dan biex ma nsemmux l-impatt enormi li żvilupp ta’ dan il-kobor se jkollu fuq ir-residenti – żvilupp industrijali assolutament m’hemmx postu f’żona residenzjali.
Graffitti qalet li punt qarrieqi ieħor marbut ma’ din l-applikazzjoni huwa l-parkeġġ li qed jiġi propost fuq is-sit ta’ barriera li m’għadhiex tintuża. Li ma semmiex il-perit huwa li parti kbira minn din il-barriera kienet diġa ġiet mibdula f’raba’ li jista’ jinħadem u fejn ftit tas-snin ilu ġew ukoll miżrugħa numru ta’ siġar maturi. Jekk dan l-iżvilupp jitħalla jsir, dawn is-siġar se jkollhom jinqalgħu, u apparti t-telfa ta’ art għammiela, m’hemm l-ebda benefiċċju ambjentali li jista’ jkollu dan il-proġett industrijali.
Barra minn hekk, is-sit ta’ dan ir-razzett jinsab ġo wied sabieħ li għadu mhux mimsus. Kumpless ta’ mħażen mhux biss ikerraħ l-inħawi, imma jkun ukoll qiegħed jeqred il-pajsaġġ tal-madwar. L-ebda proġett industrijali ma jista’ jikkumplimenta l-ambjent kwiet u naturali ta’ dan il-post, aħseb u ara wieħed ta’ dan id-daqs.
Il-Case Officer tal-PA, qed jirrakkomanda li l-applikazzjoni tkun miċħuda. L-għaqdiet u r-residenti jaqblu ma din ir-rakkommandazzjoni għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq u jsejħu lill-Bord tal-Ippjanar biex jagħti widen lill-parir tal-Case Officer.