L-OLAF U L-Kummissjoni Ewropea Jikkonfermaw Is-Suċċess Ta’ Malta Fil-Fondi Ewropej
“Il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-OLAF fil-Parlament Ewropew illum ikkonfermaw li Malta mixja fit-triq it-tajba fl-immanniġjar tal-Fondi Ewropej. Saħqu li l-esperjenza tagħhom tal-istituzzjonijiet Maltin f’dan ir-rigward hi waħda pożittiva u li Malta għandha fost l-anqas error rates fl-Unjoni Ewropea kollha,” saħaq dan il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer wara laqgħa fil-Kumitat CONT tal-Palament Ewropew imsejjħa mill-MEPs tal-partit ta’ Metsola u Casa dwar dak li sejjħulu “l-possibilita’” ta’ misappropjazzjoni ta’ fondi Ewropej f’Malta.
Engerer saħaq li din il-laqgħa ma kienet xejn għajr attentat mill-Partit Nazzjonalista biex għal darba oħra jpoġġi l-lenti fuq Malta. Fl-istess waqt dan iwassal biex jitfa’ dell ikrah fuq il-pajjiż, minkejja li l-istituzzjonijiet Ewropej kienu ċari f’diskorshom li minn dak li qalu n-Nazzjonalisti ma kien hemm xejn.
“Kien ta’ sodisfazzjon kbir tisma’ lill-OLAF u lill-Kummissjoni Ewropea jgħidu li mhux talli Malta għandha fost l-anqas żbalji fil-Fondi Ewropej mill-Istati Membri kollha, iża li saħansitra l-OLAF qalek li MAlta għanda l-ogħla rata ta’ feed back għal kull mistoqsija li saret mill-istituzzjonijiet Ewropej, fejn Malta imxiet ma’ kull rakkomandazzjoni tal-OLAF f’100% tal-każi,” qal Engerer.
Engerer qal li l-poplu Malti issa xeba’ mill-mod kif il-Partit Nazzjonalista jipprova jitfa’ dell ikrah fuq pajjiżna fl-istituzzjonijiet Ewropej u ħeġġeġ biex f’pajjiżna jkollna diskussjoni politika fuq l-aħjar mod ta’ kif nistgħu nużaw il-fondi Ewropej għall-benefiċċju tal-familji u negozji Maltin flok ikollna oppożizzjoni li tipprova ttellef il-fondi lill-pajjiż. Hu qal li jemmen li l-Fondi Ewropej fis-7 snin li ġejjin għandhom jiffukaw fuq l-ambjent u work-life balance.