Mal-10 Miljun Persuna Iżgħar Minn 45 Sena fl-Ewropa, Jbatu Mill-Ażma!
Artiklu maħruġ mill-European Respiratory Society fl-2014 juri li fl-Ewropa kważi 10 miljun persuna t’età iżgħar minn 45 sena jbatu mill-ażma. Il-prevalenza tal-ażma fl-Unjoni Ewropea hija ta’ 8.2% fl-adulti u 9.4% fit-tfal.
Hekk kif illum jaħbat ukoll il-Jum Dinji tal-Ażma, tkellimna ma’ Professur Stephen Montefort, li jispeċjalizza fil-qasam respiratorju, fejn spjegalna kif l-ażma hija l-iktar kundizzjoni kronika komuni, speċjalment fit-tfal. Minn studji li saru internazzjonalment, kif ukoll f’pajjiżna jidher li iktar ma’ qiegħed jgħaddi ż-żmien, l-ażma qiegħda iżżid kemm fil-frekwanza, kif ukoll fis-severità.
Ritratt: Professur Stephen Montefort/ One News
Jidher ukoll li l-ażma l-iktar li kienet qiegħda iżid huwa fit-tfal u issa donnha qiegħda tilħaq hekk imsejħa ‘plato’. Wieħed jinnota ukoll li fil-każ tat-tfal, hemm ħafna iktar ċans li iktar ma jikbru, l-ażma tmur għall-aħjar.
Din is-sena, minħabba l-COVID-19, l-ażmatiċi jidhru li kienu kkontrollati ftit iktar minn snin preċedenti. Dan jista’ jkun minħabba l-ilbies tal-maskla, kif ukoll minħabba li ma kinux qegħdin jinġemaw fi gruppi u b’hekk kien hemm inqas tixrid ta’ viruses li jafu joħolqu iktar attaki tal-ażma.
Huwa importanti ferm li l-ażma tiġi trattata sew, b’inhalers li jissejħu preventers li jittrattaw il-kundizzjoni u mhux is-sintomi u b’hekk għandhom jittieħdu anke meta l-pazjent iħossu tajjeb. Is-sintomi imbagħad jiġu trattati b’inhalers li jissejħu relievers. Bl-għan ikun li wieħed ma tantx jiġi bżonn dawn it-tip t’inhalers għaliex f’dak il-każ jidher li l-ażma ma tantx tkunx ikkontrollata.
Minbarra t-trattament ta’ l-ażma, huwa importanti li wieħed ma jpejjipx, kif ukoll ma jkunx espost għan-nies li jpejjpu. Huwa ukoll importanti li wieħed innaqas kemm jista’ jkun li jkun espost għal kesħa, trabijiet u tħaħen, u jnaqqas l-umdità fid-dar.
Wieħed jinnota ukoll li bit-trattament li illum hawn disponibbli, rajna avvanzi kbar fis-saħħa tal-ażmatiċi.
Ritratt: European Respiratory Society