Mara Kkundannata 40 Jum Ħabs Fuq Tlajjar Għall-Prostituzzjoni Liberata Wara Sentejn
Mara ta’ 49 sena mill-Imqabba li ġiet ikkundannata 40 jum ħabs wara li nstabet ħatja li tlajjat għall-prostituzzjoni kienet illiberata wara li mħallef ikkonkludiet li l-Pulizija ma rnexxiliex tipprova li l-intenzjoni tagħha kienet biex tħajjar nies ikollhom x’jaqsmu magħha. Il-mara kienet instabet ħatja li tlajjat għall-prostituzjzoni fit-2 ta’ Ottubru 2019 fi Triq il-Belt il-Ħażna fil-Marsa.
Hija tressqet il-Qorti mis-Supretendent Robert Vella wara li tlett pulizija li kienu għaddejjin fuq ronda għal spezzjoni dwar il-prostituzzjoni nnutawha ħdejn bar.
Huma tawha struzzjonijiet biex tmur darha u nfurmawha li kienu se jieħdu passi kontriha fil-Qorti kif fil-fatt ġara fil-konfront tagħha u ta’ żewġ nisa oħra fl-istess post.
Madankollu l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li semgħet l-appell tagħha, irrimarkat li l-pulizija li xehdu użaw il-kelma “innutaw” mhux “osservaw” u dan ifisser li rawha f’okkażjoni waħda. Hija rrimarkat li l-pulizija qalu li kien fil-fehma tagħhom li kienet qed titlajja imma ma qalux kif waslu għal dan ir-raġunament.
L-imħallef għamlitha ċara li l-kelma “titlajja” tista’ tingħata interpretazzjoni soġġettiva u biex tinstab ħtija trid tittieħed f’ċirkostanzi oħra fosthom diskors, pożi li jittieħdu, ilbies, kemm il-persuna ddum fuq il-post u lil min tavviċina.
Kien għalhekk li l-Imħallef Scerri Herrera kkonkludiet li l-Pulizija ma rnexxiliex tipprova li l-mara tlajjat għall-prostituzzjoni u bidlet id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati biex illiberatha.