Membru Parlamentari Kanadiż Jinqabad Għarwien Fuq Il-Camera Ta’ Zoom Darbtejn F’Temp Ta’ Xahar
Minħabba l-pandemija, il-parlament Kanadiż qed jiltaqa’ b’mod virtwali, u b’hekk il-Membri Parlamentari qed jattendu għas-seduti kollha permezz ta’ Zoom.
Fix-xahar ta’ April, l-MP Liberali Kanadiż William Amos inqabad għarwien fuq il-kamera. Membri Parlamentari oħrajn lmentaw dwar dan u ġibdu l-attenzjoni tal-ispeaker tal-kamra sabiex dan l-aġir ma jerġax iseħħ. L-MP Claude Debellefeuille qalet li minkejja li Amos għandu ġisem li jidher tajjeb ħafna, iżda huwa għandu jkun mfakkar dwar x’inhu xieraq u dak li mhux xieraq.
Dakinhar huwa ħareġ starrija u qal li dak li ġara kien żball ġenwin. Huwa spjega li dakinhar kien ħareġ jogging u kif wasal lura ried ibiddel għas-seduta tal-parlament, u għamel dan filwaqt li ma ndunax li kellu l-kamera mixgħula. Dakinhar huwa qal li din l-istorja ma kinitx se terġa’ tirrepeti ruħha.
Minkejja dan, madwar xahar wara għal darb’oħra reġa’ nesa l-kamera mixgħula u din id-darba uża t-toilet.
Għal darb’oħra huwa għamel apoloġija uffiċjali, iżda din id-darba għażel li jwarrab għal xi żmien mill-kariga tiegħu ta’ Segretarju Parlamentari minħabba dawn iż-żewġ inċidenti.