Meta Eddie Fenech Adami Għamel Taqliba Fil-Kabinett
Bħal-lum 3 ta’ mejju tal-1990, il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami kien għamel taqliba fil-Kabinett. Il-Professur Guido de Marco, li kien Ministru tal-Ġustizzja, ngħata wkoll l-inkarigu ta’ Ministru tal-Affarijiet Barranin, waqt li l-Affarijiet Interni ngħataw lill-Avukat Ugo Mifsud Bonnici li kellu wkoll il-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Inħoloq il-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi li ngħata lil John Dalli li kien Segretarju Parlamentari għall-Industrija.
Kienu nħolqu wkoll tliet Segretarjati Parlamentari. It-Tabib Stanley Zammit inħatar Segretarju Parlamentari għall-Ambjent waqt li l-Avukat Michael Frendo nħatar Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Kultura u Protezzjoni tal-Konsumatur.
It-tnejn kienu mal-Ministeru tal-Edukazzjoni. L-Avukat francis Zammit Dimech kien inħatar bħala Segretarju Parlamentari għat-Trasport u Kommunikazzjonijiet fil-Ministeru għall-Iżvilupp tal-Infrastruttura.
Dan juri li maż-żmien, il-Ministeri u s-Segretarjati jinbidlu anke skont l-esiġenzi tal-pajjiż. Kien hemm żmien fejn uħud mill-Ministeri qas biss kienu jissemmew fejn juri li forsi ma tantx konna ntuhom importanza.
Imbagħad maż-żmien, anke minn Gvernijiet differenti naraw Ministeru ġodda li jinħolqu biex pajjiżna jkun aġġornat maż-żminijiet bħal dak tar-Riċerka, Innovazzjoni u Koordinazzjoni tal-Istrateġija għall-Wara l-Covid-19 li bħalissa huwa mmexxi minn Dr Owen Bonnici. Inħoloq ukoll Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li bħalissa huwa mmexxi minn Dr Stefan Zrinzo Azzopardi, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u r-Riformi li kien immexxi minn Rosianne Cutajar, u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja mmexxi minn Julia Farrugia Portelli. Inħoloq ukoll il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli immexxi minn Dr Miriam Dalli u anke s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet taħt it-tmexxija ta’ Alex Muscat. Imbagħad naraw ukoll Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni mmexxi minn Chris Agius u Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva minn Dr Michael Farrugia.
Għalkemm uħud kienu diġà parti minn portafol ta’ Ministeri oħra, ħafna minn dawn imsemmija kienu maħluqa ġodda minħabba t-tibdil tas-soċjetà li ngħixu fiha.
Din hija wkoll parti mill-istorja.
Ritratt: http://eddiefenechadami.org/