Nieklu Biex Ngħixu Jew Ngħixu Biex Nieklu?
Minkejja li nisimgħu ħafna sabiex nieħdu ħsieb saħħitna, fil-verità xi tfisser li tieħu ħsieb saħħtek? Ifisser li trid tiekol ħaxix u frott biss? Tkellimna aktar dwar dan ma’ Matthaeus Grasso, kowċ u xjentist tal-eżerċizzju.
Matthaeus aċċenna għal fatt li waqt il-pandemija rajna kif persuni li għandhom piż żejjed jew obesità ikunu f’riskju ikbar li jkollhom kumplikazzjonijiet mhux mixtieqa jekk ikollhom il-virus tal-COVID-19. Tkellem kif meta persuna tagħmel l-eżerċizzju mhux biss tkun qiegħda tagħmel ġid mill-aspett fiżiku imma ukoll “l-eżerċizzju jgħin lis-saħħa mentali… il-ġisem hekk m’għamul”.
Ritratt: Matthaeus Grasso
Tul l-intervista ħarget id-differenza bejn l-ikel naturali u l-ikel proċessat; “l-ikel naturali huwa importanti għaliex itik il-vitamini u minerali… jgħinek tħossok ħajja”. Fakkarna ukoll li minkejja li l-frott u l-ħaxix huma importanti, jekk wieħed jara l-piramida tal-ikel jinnota ikel differenti bħal laħam, ħut, patata, etċ.
Normalment, li nieklu dita bilanċjata hija importanti, iżda meta minħabba allerġiji jew raġunijiet mediċi wieħed ikollu jelimina xi kategorija ta’ ikel, wieħed għandu dejjem jikkonsulta ma’ nutritionist, jew dietitian sabiex jara li jkun qiegħed jieħu l-vitamini u l-minerali meħtieġa.
Għal mistoqsija tagħna jekk għandnix nieklu biex ngħixu jew inkella ngħixu biex nieklu, Matthaeus kellimna fuq ir-regola ta’ 80% u 20%, fejn 80% tad-drabi għandna nieklu biex ngħixu, filwaqt li fl-20% l-oħra nistgħu nieklu dawk li nsejħulhom ‘cheat meals’.
Il-qofol ta’ kollox huwa l-bilanċ, li wieħed għandu jimmodera f’dak li jkun qiegħed jiekol u jibqa’ konxju tal-importanza li nieħdu ħsieb lilna nfusna b’mod ħolistiku.
Matthaeus appella li kull qatra tgħodd; jekk wieħed jagħmel eżerċizzju darba f’ġimgħa dejjem aħjar milli m’għamel xejn, jekk jagħmel darbtejn f’ġimgħa, aħjar minn darba. Appella ukoll sabiex dak li għandna bżonn nagħmlu għal ġid ta’ saħħitna, nagħmluh illum, għax problema ta’ saħħa ma tissolvix weħidha.
Fil-ġimgħa ddedikata lill-infermiera Matthaeus appella ukoll sabiex nieħdu ħsieb lill-infermiera u lill-frontliners tagħna b’mod ħolistiku inkluż is-saħħa mentali u l-eżerċizzju, f’dan iż-żmien ta’ pressjoni.
Ritratt: Harvard University