Parteċipazzjoni F’Kompetizzjonijiet Ta’ Livell Ogħla Huwa L-Oġġettiv ta’ Athletics Malta
Athletics Malta organizzat il-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fejn l-assoċjazzjoni tat ħarsa lejn l-isfidi u l-kisbiet tal-aħħar sena filwaqt li twitti t-triq ‘il quddiem għall-attivitajiet matul it-tnax-il xahar li ġejjin.
F’indirizz waqt l-AGM ta’ din is-sena, Andy Grech, President ta’ Athletics Malta, f’għeluq is-sena tiegħu f’din il-kariga, spjega kif il-ħidma tal-assoċjazzjoni tul is-sena li ġejja se jkollha bħala oġġettiv prinċipali li l-atleti jkunu esposti aktar għal livell ogħla ta’ kompetizzjoni. Dan se jsir b’żieda fil-parteċipazzjoni f’avvenimenti barra l-pajjiż iżda wkoll billi jiġu mħajra aktar atleti internazzjonali biex jiġu għal avvenimenti u taħriġ f’pajjiżna.
Grech ta’ ħarsa dettaljata tal-ħidma estensiva li saret matul l-aħħar sena, fosthom t-tnedija ta’ struttura ġdida għat-tim nazzjonali, l-iffirmar ta’ għadd ta’ ftehmiet ma’ federazzjonijiet internazzjonali u eżerċizzju ta’ rebranding li jirrifletti l-ambizzjonijiet tal-istess Assoċjazzjoni. Intlaħaq ukoll ftehim mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li se tipprovdi lill-Athletics Malta b’għajnuna finanzjarja biex ittejjeb il-prodott tagħha.
Daniel Scicluna Calleja, li huwa responsabbli mill-proġetti, ta ħarsa lejn l-iżvilupp estensiv li qed isir fil-Matthew Micallef St John Stadium, fl-isforzi tal-Assoċjazzjoni li tipprovdi lill-atleti lokali f’faċilitajiet aħjar u ttejjeb l-opportunitajiet li jsiru avvenimenti internazzjonali f’pajjiżna.
Waqt l-istess AGM, il-Kunsill approva l-ħatra ta’ Darren Micallef bħala Teżorier ġdid.
Ritratt: Athletics Malta