Programmi Ta’ Taħriġ Dwar Vulnerabbilitajiet Fost Anzjani

 Programmi Ta’ Taħriġ Dwar Vulnerabbilitajiet Fost Anzjani

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li 73 ħaddiem mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se jkunu qed jingħataw taħriġ permezz ta’ żewġ programmi speċjalizzati, wieħed  dwar il-vulnerabbiltajiet fost l-anzjani, u ieħor dwar kif wieħed jista’ jgħin lill-anzjani permezz tal-arti, li tinkludi mużika, tpinġija u drama.

Dawn il-programmi se jkunu offruti mill-Università ta’ Malta hekk kif ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn l-Università u d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, liema ftehim se jkompli jsaħħaħ il-koperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet f’diversi oqsma ta’ tagħlim matul il-ħajja.

Il-Ministru Farrugia tkellem dwar l-importanza li lill-ħaddiem inkomplu nagħtuh it-taħriġ kollu possibbli biex ikun jista’ jagħti servizz ta’ kwalità filwaqt li jkun assigurat li l-anzjani jirċievu l-aħjar servizzi possibbli.

Saħaq li d-Dipartiment se joffri wkoll placements għal studenti universitarji li qegħdin isegwu xi korsijiet relatati mal-ġerantoloġija. Dan se jwassal biex il-ħaddiema jkunu mgħarrfa aktar dwar kif jidentifikaw vulnerabbiltà fost l-anzjani jew abbuż, jidentifikaw jekk anzjan ikunx qed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu u b’hekk ikunu jistgħu jingħataw l-assistenza meħtieġa.

B’hekk, ħaddiema jkunu aktar konxji tal-vulnerabbiltajiet tal-anzjani filwaqt li jgħarrfuhom minn kmieni biex id-Dipartiment ikun jista’ jintervjeni b’mod immedjat. Barra minn hekk, permezz tal-arti, l-anzjani jgħixu ħajja attiva hekk kif jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet.

Kull programm, li huwa sponsorjat mid-Dipartment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, fih għoxrin siegħa mifruxin fuq tliet xhur. Fi tmiem il-programm jingħata ċertifikat t’attendenza.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com