Proposta Blokka Ta’ 125 Appartament Qrib L-Irdumijiet Fis-Sannat
Il-Moviment Graffitti qed joġġezzjona bil-qawwa għall-proposta għall-bini ta’ blokka ta’ 125 appartament 300 metru biss ‘il bogħod mit-tarf tal-irdum fis-Sannat, Għawdex. Fi stqarrija mill-Moviment Graffitti, intqal li l-blokka, proposta mill-imprenditur Għawdxi Joseph Portelli, turi lis-sieħba ta’ Portelli, Mark Agius (Ta’ Dirjanu), Samuel Saliba u Joseph Vella bħala l-applikanti għal dawn il-blokok.
“Barra minn hekk, is-sit propost għall-iżvilupp jinsab qrib żona tal-għasafar importanti, rikonoxxuta internazzjonalment, li fiha tgħammar popolazzjoni mdaqqsa ta’ ċief. It-tniġġis mid-dwal minn żvilupp ta’ dan id-daqs, huwa theddida diretta għal dawn l-għasafar tal-baħar, theddida li Malta hija fid-dmir li tevita”.
Tennew li s-sit qiegħed fuq art agrikola tajba, li jkompli jiggrava l-impatt negattiv tal-iżvilupp. Dan se jwassal għal aktar tnaqqis f’żoni agrikoli – li diġà jinsabu taħt pressjoni f’Malta u f’Għawdex – filwaqt li jkompli jżid id-dipendenza tagħna fuq ikel importat u jhedded l-għajxien tal-bdiewa li l-qliegħ tagħhom jiddependi mill-art.
Min-naħa tagħna; Stradarjali.com tikkundanna anke biss l-idea ta’ żviluppi bħal dawn viċin il-ftit siti verġni li baqa’ fil-gżejjer tagħna, aħseb u ara jekk isiru l-proġetti msemmija.
Ritratt: iStock