Proposti Mill-PN Biex Tkun Indirizzata S-Sitwazzjoni Ta’ Ffullar F’Kordin

 Proposti Mill-PN Biex Tkun Indirizzata S-Sitwazzjoni Ta’ Ffullar F’Kordin

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Partit Nazzjonalista nieda l-ewwel sett ta’ proposti, frott il-ħidma tal-clusters li l-ħidma tagħhom bdiet tilħaq il-qofol tagħha fl-aħħar jiem. Il-Konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza Beppe Fenech Adami, kif ukoll mill-kandidati għall-elezzjoni Ġenerali u membri fil-cluster li trattat is-sigurtá Graziella Galea, Errol Cutajar u Darren Carabott, trattat is-sitwazzjoni fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.

Il-proposti jindirizzaw b’mod konkret is-sitwazzjoni ta’ ffullar fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin (CCF) li qed tqarreb il-faċilità lejn kollass. Tant hu hekk li bħalissa, fis-CCF jgħixu aktar nies minn darbtejn tal popolazzjoni li tiflaħ.

Il-cluster għas-sigurtà nieda disa’ inizjattivi biex tissokta d-diskussjoni li, jekk jiġu adottati, iwasslu għal:
• tnaqqis fil-popolazzjoni tal-ħabs f’Malta; u għaldaqstant jinkisbu:
• kundizzjonijiet aktar umani għall-priġunieri;
• ambjent tax-xogħol aħjar għall-gwardjani u l-persunal;
• is-serħan il-moħħ li s-sitwazzjoni hi kkontrollata.

Il-proposti mressqa huma dawn:
Proposta 1: Estensjoni strutturali tal-faċilità attwali ta’ Kordin.
Proposta 2: Arrest preventiv għandu jkun l-eċċezzjoni għar-regola u jintuża biss f’każijiet mill-aktar serji.
Proposta 3: Nipprovdu postijiet aktar adegwati ta’ half-way houses u akkomodazzjoni b’superviżjoni li jkunu maħsuba għall-priġunieri li waslu fl-aħħar tas-sentenza tagħhom, anki għal integrazzjoni mill-ġdid aħjar fis-soċjetà
Proposta 4: Nipprovdu trattament aktar xieraq lill-vittmi tal-vizzju tad-droga, ’l bogħod misCCF, similari għal ‘Prison Inmate Programme’ li tmexxi l-Caritas.
Proposta 5: Ripatrijazzjoni tal-priġunieri barranin lejn pajjiżhom.
Proposta 6: Indaħħlu fis-seħħ leġiżlazzjoni dwar it-tagging elettroniku li permezz tagħha l-priġunieri jkunu jistgħu jservu s-sentenza tagħhom band’oħra minflok fis-CCF; dan jgħodd ukoll għall-persuni miżmuma b’arrest preventiv.
Proposta 7: Niftħu unitajiet għall-ulied u l-ġenituri, simili għall-kunċett imħaddem fir-Renju Unit u fl-Italja biex jintlaqgħu l-priġunieri ġenituri, u tingħata attenzjoni lill-ħtiġijiet ta’ ulied dawn il-priġunieri barra mill-faċilità tas-CCF, anki għall-ġid ta’ dawk l-ulied.
Proposta 8: Inwettqu riforma tas-sistema tal-parole biex aktar priġunieri jitħallew jagħżlu li jagħmlu riabilitazzjoni u riforma.
Proposta 9: Niżviluppaw il-kunċett ta’ parole abbażi ta’ anzjanitá u saħħa fiżika, maħsuba għall-priġunieri li qed iġarrbu kundizzjonijiet serji.

Intqal li dawn kienu l-ewwel sett ta’ proposti minn dan il-grupp u li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu mħabbra aktar proposti frott dawn il-gruppi ta’ tfassil tal-politika.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com