Qabża Diġitali Għall-Pubbliku Fl-Għoti tas-Servizz Pubbliku – Imniedi R-Rapport Annwali Minn Identity Malta Għall-2020
Malta għamlet qabża diġitali matul is-sena 2020, fejn jidħlu l-aktar servizzi mfittxija mill-klijenti. Minkejja li s-sena 2020 kienet ikkaratterizzata mill-pandemija Covid-19, ħidmet l-Aġenzija Identity Malta baqgħet taħdem favur l-interessi kemm tal-ħaddiema u anke tal-klijenti tagħha.
Dan ħareġ mir-Rapport Annwali li l-Aġenzija Identity Malta għadha kif nediet.
Identity Malta innutat żieda qawwija fit-talbiet ta’ servizzi diversi b’mod diġitali fil-mument li l-awtoritajiet bdew jagħtu l-pariri biex in-nies ma jiltaqgħux f’ammonti u f’postijiet pubbliċi.
Matul l-2020 it-Taqsima tal-Karta tal-Identità rreġistrat 76,754 talba għall-attivazzjoni tal-kont tal-eID. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn 31,000 talba meta kkumparat mat-42,649 talba li kien hemm fl-2019. Bl-istess mod, kien hemm żieda qawwija fit-talbiet sabiex ikun hemm reset tal-passwords taleID u minn 91,390 fl-2019 telgħu għal 139,464 fl-2020. Dan kollu jfisser li n-nies fittxew aktar isservizzi tal-gvern online.
Kien hemm tnaqqis sostanzjali fl-applikazzjonijiet għal tiġdid jew passaporti ġodda, u minn 51,210 passaport li nħarġu fl-2019 niżlu għal 18,834 fl-2020. It-tnedija tal-pjattaforma online sabiex applikazzjonijiet għas-Single Permit ikunu sottomessi hemm intlaqgħet tajjeb, tant li kienu sottomessi 6,954 applikazzjoni filwaqt li kien hemm 3,990 employer li rreġistra fuq din is-sistema.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat innota li din l-aġenzija wieġbet għas-sejħa importanti ta’ sens ta’ dover lejn il-pajjiż sabiex il-klijenti kollha tagħha jibqgħu jinqdew. Innota wkoll li din l-aġenzija hija essenzjali hekk kif kull individwu, b’xi mod jew ieħor jiġi bżonn is-servizzi mogħtija, bħal per eżempju fit-twelid, mewt jew żwieġ ta’ dak li jkun. Appella li t-triq ‘il quddiem għal din l-aġenzija għandha tkun strateġija ċara, ibbażata fuq dak li trid twettaq għallbenefiċċju tal-Maltin, l-Għawdxin u l-barranin li jgħixu hawn.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Anton Sevasta semma l-kisbiet li din l-aġenzija kellha matul din is-sena, li kienu differenti minn snin oħra. Fakkar, fost l-oħrajn, fil-pjattaformi diġitali tas-Single Permit u tan-notifikazzjonijiet tal-mewt u t-twelid, kif ukoll fl-emendi legali li daħlu fis-seħħ li għamluha possibbli biex ikun hemm firxa ikbar ta’ għażla għal kunjom wara ż-żwieġ u għall-użu tal-ittri bil-Malti fl-ismijiet. Fakkar kif wara t-tnedija ta’ passaport Malti ġdid, Identity Malta nediet karta tal-identità ġdida b’għadd ta’ elementi ta’ sigurtà ġodda li tagħmilha ferm diffiċli biex tiffalsifika. It-tnedija tal-karta tal-identità ġdida u l-premju prestiġjuż li rebaħ il-passaport Malti għallaqwa dokument fir-reġjun huma xhieda tal-impenn tal-Aġenzija Identity Malta fejn jidħol il-ħarsien tal-identità tal-persuna, tenna s-Sur Sevasta.