Qed Tiġi Nstallata L-Ewwel Bankina Solari F’Malta

 Qed Tiġi Nstallata L-Ewwel Bankina Solari F’Malta

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq il-proġett Għeriexem fir-Rabat fejn ħabbar li bħala parti minn dan il-proġett, se tkun installata l-ewwel bankina solari f’Malta.

Il-Ministru Ian Borg qal li din l-inizjattiva se tkun qed timmarka pass ieħor ‘il quddiem lejn aktar sostenibbiltà u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

“Dan huwa gvern progressiv li jara li pajjiżna jibqa’ aġġornat ma’ pajjiżi oħra, anke f’termini ta’ teknoloġija. Għalhekk, se naħdmu biex nintroduċu l-ewwel bankina solari f’Malta. Ħassejna wkoll li kien xieraq li ndaħħlu dan inċentiv għall-ewwel darba f’dan il-proġett. Aħna konxji li dan il-proġett ifisser tant għall-komunità tar-Rabat speċjalment għal dawk il-familji li jgħixu f’din iż-żona. Dawn il-familji kienu fi stat ta’ disperazzjoni u xi ħaġa kellha ssir. B’kuraġġ, indirizzajna din il-problema li kienet ilha s-snin ma tissolva, smajna lil dawn in-nies u permezz tal-ħidma kontinwa ta’ Infrastructure Malta, il-proġett issa miexi sew u dawn il-familji qed jibdew jaraw id-dawl fl-aħħar tal-mina”, qal il-Ministru Ian Borg.

Bħala parti mill-proġett Għeriexem fir-Rabat, din it-teknoloġija hija ssettjata biex tħaddem 40% tad-dawl ta’ din it-triq b’enerġija rinnovabbli.

Il-kunċett ta’ bankini solari huwa wieħed li qed jiġi introdott f’diversi pajjiżi oħra. Għal Malta, dan se jkun l-ewwel pass għall-iżvilupp ta’ iktar mogħdijiet fotovoltajċi fil-futur.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com