Reazzjoni Dwar Il-Mod Kif L-MEP Agius Saliba Ġie Trattat Fil-Kumitat CONT

 Reazzjoni Dwar Il-Mod Kif L-MEP Agius Saliba Ġie Trattat Fil-Kumitat CONT

Dak li ġara fil-Kumitat CONT, relatat mat-trattament inaċċettabbli tal-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba mill-President tal-Kumitat, l-Ewroparlamentari tal-grupp tal-PPE Monika Hohlmeier, wassal għal presentazzjoni t’ilment uffiċjali lill-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli u lill-Antonio Tajani, mill-President tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) Iratxe Garcia Perez.

Fl-ittra l-Grupp tal-S&D spjega li huwa kien nforma lis-Segretarjat tal-CONT sew minn qabel li l-koordinatur tal-grupp S&D kellu jkun sostitwit mill-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba b’konformita mar-regoli u l-proċeduri tal-Parlament Ewropew. 

Jidher li talbiet bħal dawn huma prattika komuni u jekk jintbagħtu fil-ħin, m’għandhomx għax ma jiġux aċċettati.

Il-President tal-Grupp S&D, Iratxe Garcia Perez, ikkonfermat li l-President tal-CONT Monika Hohlmeier irrifjutat li s-sostitut tal-koordinatur jieħu l-ħin għalih allokat ta’ 5 minuti u minflok ddeċidiet li s-Sur Agius Saliba jingħata biss ħin għad-diskorsi taħt proċedura differenti, li jwassal għall-inqas ħin għad-diskors tal-Ewroparlamentari Laburista.

L-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba ma tħalliex jitkellem għall-ħin kollu allokat u minflok “inqata’ fit-tielet minuta ta’ diskors tiegħu u ġie nnotifikat li l-kontenut tad-diskors tiegħu ma kienx mal-punt, u mbagħad ġie sussegwentement interrott u nnotiffikat li l-ħin għad-diskorsi tiegħu skada minkejja li ma tkellimx għall-5 minuti sħaħ ”. 

Fil-fehma tal-Grupp S&D dan kien trattament inġust lejn wieħed mill-membri tiegħu u l-President tal-Grupp CONT, Ewroparlamentari tal-grupp PPE għandha tkun mgħarfa bl-iżball tal-azzjonijiet tagħha.

Il-President tal-Grupp S&D tittama li l-President tal-Parlament Ewropew Sassoli jaqbel li l-mod li bih il-kwistjoni ġiet trattata mill-President tal-Kumitat CONT kien inaċċettabbli, diskriminatorju u kuntrarju għar-regoli tal-proċedura. Hi tinsisti li l-President Sassoli għandu jqajjem din il-kwistjoni serja mal-President tal-Kumitat CONT Monika Hohlmeier qabel il-laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Presidenti u l-Konferenza tal-Committee Chairs.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com