Residenti Marsin Joġġezzjonaw Għat-Tankijiet ta’ Ricasoli

 Residenti Marsin Joġġezzjonaw Għat-Tankijiet ta’ Ricasoli

Grupp ta’ residenti Marsin ingħaqdu flimkien sabiex iwasslu messaġġ dwar it-tankijiet ta’ Rikasli li huma maħsuba li jitpoġġew fil-Marsa.

Dan il-grupp ta’ Marsin għamlu kuntatt ma’ StradaRjali.com fejn ilmentaw dwar din il-possibilità u qalu li dawn it-tankijiet m’għandhomx “jinġiebu l-Marsa” filwaqt li nsistew li jridu “li l-Marsa tqum fuq saqajha”.

Dan il-grupp ta’ Marsin saħaq ma’ StradaRjali.com li dan proġett mhux ser jaffetwa biss lil Marsa u l-Marsin iżda anki l-lokalitajiet u r-residenti tal-mawdar, iġifieri l-Ħamrun, l-Pieta’ u l-Floriana.

L-ewwel ritratt li jidher hawn taħt juri l-art tal-MOBC li se tintuża għat-tankijiet taż-żejt ta’ Ricasoli, flimkien ma’ art oħra viċin. Fuq l-istess ritratt huwa mmarkat ukoll fejn se jidħlu l-vapuri għat-tindif taż-żejt. Fit-tieni ritratt li jidher hawn taħt hemm indikat id-distanza bejn l-MOBC, fejn se jiġu t-tankijiet ta’ Ricasoli, u d-djar residenzjali.
Ir-residenti li tkellmu magħna jinsabu urtati dwar dan għaliex iħossu li “dan mhuwiex il-pjan ta’ riġenerazzjoni” li ġew imwiegħda. Huma jisħqu li l-Marsa serviet lill-pajjiż diversi drabi fil-passat, fost l-oħrajn permezz tal-powerstation, l-MOBC, l-open centre, l-inċineratur, il-biċċerija, Cassar Ship yard u oħrajn.
Intant, huma qed jgħidu li s-saħħa tal-Marsin u ta’ dawk li jgħixu fil-lokalitajiet tal-madwar għandha tiġi mħarsa għaliex iċ-ċittadini Marsin “mhumiex inferjuri”.
Il-Kunsill Lokali tal-Marsa ddikjara li jaqbel mal-ilment ta’ dan il-grupp ta’ Marsin.
“Flimkien għal Marsa Aħjar, kif inhi wkoll il-pożizzjoni ddikjarata tal-Kunsill Lokali tal-Marsa, mhi se tħares lejn l-ebda kulur politiku u qatt mhi ser tasal taċċetta l-ebda forma ta’ theddida jew kompromess sabiex il-proġetti mwiegħda għal tant żmien jiġu mwettqa”.
L-ilmenti ta’ dan il-grupp waslu anki għand il-Moviment Graffitti li ra li l-kawża hija waħda ġusta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com