Segwi L-Filmat – Il-Players Tat-Tim Nazzjonali u tal-U21 jirċievu l-Vaċċin Kontra L-COVID-19
L-Erbgħa kien imiss lill-players tat-Tim Nazzjonali Malti tal-Futbol u dawk ta’ taħt il-21 sena li jitlaqqmu kontra l-COVID-19 f’attivita li saret fit-Trophies Lounge, parti mill-Istadium Nazzjonali.
Fil-bidu tal-attivita l-President tal-Malta Football Association laqa’ lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li tkellem fit-tul mal-players waqt li dawn kienu qed jiġu mlaqqma minn infermiera li ġew apposta mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Il-Ministru Fearne semma l-importanza li kulħadd jitlaqqam biex nirritornaw għan-normalita, stqarr li issa t-tilqim fetaħ anke għal dawk li għandhom 16-il sena ‘l fuq u huwa mportanti li kulħadd jieħu eżempju mill-players tat-Tim Nazzjonali Malti, jitlaqqam sabiex inkomplu nħarsu s-saħħa ta’ xulxin.
Min-naħa tiegħu il-President tal-Malta FA Bjorn Vassallo tenna li s-saħħa tibqa element importanti specjalment fiz-żmienijiet tal-lum, laqa b’sodisfazzjon dak li qed jagħmlu l-awtoritajiet tas-saħħa biex il-vaċċin f’Malta jingħata lil kemm jista jkun persuni fis-soċjeta tagħna nkluż dawk fl-element sportiv, illum il-players tal-Futbol tagħna parti mill-iskwadra Nazzjonali u dan għandu jwassal biex is-saħħa tal-poplu Malti f’dan il-pajjiż tibqa’ waħda b’saħħitha.
Fi tmiem l-attivita u wara li l-players kollha ingħataw it-tilqima qabel ma’ nhar il-Ħamis jivjaġġaw għall-impenji ta’ ħbiberija li għandhom barra l-pajjiż, it-Tim Nazzjonali fl-Awstrija, t-Tim ta’ taħt il-21 sena fis-Slovenja, l-Ministru Fearne kien ippreżentat mill-President Vassallo flokk tat-Tim Nazzjonali Malti biex iżommu bħala tifkira ta’ din l-attivita.