‘Smiles With Miles’ – Proġett Nazzjonali Minn Dr Lydia Abela

 ‘Smiles With Miles’ – Proġett Nazzjonali Minn Dr Lydia Abela

Dr Lydia Abela nediet proġett nazzjonali li jħeġġeġ l-eżeċizzju fiżiku għall-ġid u s-saħħa ta’ min jagħmlu, iżda wkoll li joħloq tbissima fuq fomm ħaddieħor.

Fil-Kottonera, mart il-Prim Ministru spjegat kif ‘Smiles with Miles’ hija motivazzjoni ġdida biex iktar u iktar nies, ta’ kull eta, jibdew jagħmlu, jew saħansitra jżidu, il-mixi jew il-ġiri, bil-benefiċċji fiżiċi u mentali li jġib miegħu. Waqt li se jkunu qed jgħinu lilhom infushom, se jikkontribwixxu wkoll lejn ġbir ta’ fondi għal proġetti speċifiċi favur addoloxxenti fil-bżonn.

L-inizjattiva taħdem b’mod sempliċi ħafna. Kulħadd jista’ jniżżel l-app ‘Smiles with Miles’ bla ħlas mill-mobile tiegħu u joħroġ jagħmel mixja jew ġirja fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata. L-app tagħti l-faċilità li tkejjel il-mili li persuna tkun qed tagħmel, u jeżistu livelli differenti ta’ distanzi li, malli taqbiżhom, tkun eliġibbli għal premji li jirrikonoxxu dawn il-kisbiet personali.

Iktar importanti, il-mili tiegħek se jingħaqdu mal-mili li tkun qed tagħmel il-popolazzjoni kollha. Malli jintlaħqu l-250,000 mil, b’mod akkumulat, hemm numru ta’ kumpaniji privati, li permezz tal-Corporate Social Responsibility tagħhom, qed jikkomettu donazzjoni għal proġetti ġodda ta’ saħħa mentali fost iż-żgħażagħ.

Dr Lydia Abela qalet li hija rebħa għal pajjiżna li jkollna iktar nies attivi, li jsaħħu l-qagħda fiżika u mentali tagħhom u jesperjenza din l-attività flimkien mal-familji tagħhom fl-ambjent sabiħ ta’ pajjiżna. “Nemmen li huwa bżonn ta’ pajjiż li jrid jippromwovi l-kwalità tal-ħajja u jassigura t-tisħiħ soċjali tan-nies tiegħu.”

Hemm żewġ miri inizjali li se jintlaħqu bil-fondi miġbura f’din l-inizjattiva. L-ewwel, li tinħoloq kampanja ta’ għarfien dwar il-benesseri taż-żgħażagħ. Permezz ta’ influencers u role models sinonimi maż-żgħażagħ, għandha titwassal informazzjoni dwar servizzi ta’ għajnuna li jeżistu jekk addoloxxenti jiffaċjaw sfidi mentali.

It-tieni prijorità hija li ssir riċerka fuq l-isfidi tal-addoloxxenti fid-dinja tal-lum biex il-pajjiż ikun konxju x’rakkomandazzjonijiet ġodda jrid jaħdem fuqhom biex jindirizza oqsma ġodda permezz ta’ proġetti ġodda.

Wara dan ix-xahar li ġej, ‘Smiles with Miles’ se tkompli fix-xhur u s-snin ta’ wara biex issir stil ta’ ħajja tagħna. “Dan irid ikun sforz nazzjonali. Il-mixi tiegħek verament se jsir jiswa għalik, u għal ħaddieħor,” temmet tgħid Dr Abela.

Intant, il-psikjatra Dr Anton Grech faħħar it-tema ta’ din l-inizjattiva u qal li tirrifletti x-xogħol li jagħmlu l-professjonisti fil-qasam mentali, dik li jġibu lura t-tbissima fuq fomm in-nies. Dr Grech sostna li l-evidenza turi li l-eżerċizzju fiżiku huwa tip ta’ terapija, daqs terapiji mediċi oħra, għal addoloxxenti li jkunu qed ibatu minn anzjetà.

Il-kap eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li huwa ta’ sodisfazzjon li tisma’ lill-mara tal-Prim Ministru tħeġġeġ sforz kollettiv għall-attività fiżika bħala Team Malta. Saħaq li l-pandemija wriet li f’Malta tista’ tagħmel eżerċizzju l-ħin kollu, għaliex it-temp jippermetti u għandna trakki naturali li jagħmluha faċli biex wieħed jimxi iktar. Temm jgħid li din l-inizjattiva timxi id f’id mal-kampanji ta’ SportMalta favur l-eżerċizzju fiżiku li jgħinek tgħix ħajja aħjar.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com