Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal flimkien mal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, ingħaqdu flimkien sabiex jindirizzaw settur sensittiv u li sa issa ma tantx hemm għarfien professjonali dwaru. Dan huwa s-suġġett li jikkonċerna kumplikazzjonijiet fit-tqala jew inkella fi stadju bikri fl-iżvilupp tat-tarbija. Waqt din il-konferenza tħabbar li se jingħata taħriġ professjonali lil dawk kollha li jkollhom jagħtu aħbar diffiċli lill-ġenituri jew saħansitra lil dawk milquta direttament. It-taħriġ speċjalizzat se jkun mifrux fuq 12-il sessjoni fejn se jkunu qed jingħata mill-Positive Parenting Task Force, l-Assoċjazzjoni tal-Midwives u l-Pedjatri u d-Dipartiment tad-Disability fl-Università ta’ Malta
Ħafna drabi, it-tobba, il-pedjatri u ħaddiema oħra fil-qasam tas-saħħa huma l-frontliners li jkollhom iwasslu din l-aħbar diffiċli lill-ġenituri. Dan f’perjodu marbut mat-twelid ta’ tarbija, li huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar episodji tal-ħajja li miegħu iġib ferħ, imħabba u għaqda ghal dik il-familja li tkun qed tistenna wild.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza mill-Ministru Michael Falzon u l-Ministru Julia Farrugia Portelli li lkoll saħqu fuq l-importanza li jkun indirizzat aħjar dan is-settur fl-aqwa interess ta’ dawk li jgħaddu minn dan iż-zmien diffiċli kif ukoll għall-professjonisti li ta’ sikwiet jiltaqgħu ma’ każijiet bħal dawn.
Il-Ministru Michael Falzon qal li din l-inizzjativa hija ‘first’ oħra f’Malta, u wiegħed li se jkun qed jinvesti aktar riżorsi sabiex jingħata taħriġ professjonali lil dawk kollha li jkollhom jagħtu aħbar diffiċli lill-ġenituri jew saħansitra lil dawk milquta direttament.
Il-Ministru Falzon qal li dan it-taħriġ se jkun qed jgħin lill-professjonisti jwasslu l-messaġġ b’rabta mal-kundizzjoni jew l-aħbar tat-tfal lill-familji tagħhom. Minbarra hekk, jitwassal il-messaġġ b’mod pożittiv u ottimist.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli saħqet li dan hu programm ta’ taħriġ li jindirizza waqtiet mill-aktar diffiċli fil-ħajja u l-karriera tal-professjonisti u l-frontliners tagħna. Huma l-intermedjarji tagħna f’mument delikat li miegħu jkun hemm marbuta ħajjiet li mal-kuraġġ u l-isfidi jkunu jeħtieġu kontinwità u rieda soda.
Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat kif kull professjonist fil-qasam tas-saħħa u l-kura jaf li tul il-karriera se jkollu dawk il-waqtiet li fihom ikun jeħtieġ juri s-sensittività, l-imħabba u d-dehen tiegħu quddiem realtajiet delikati u sikwiet kiefra tal-ħajja. Huwa dak il-mument li fih il-professjonalità tiegħu u d-dinjità tal-pazjent u l-maħbubin tiegħu jridu jitwaħħdu biex titwitta mogħdija siewja u li saħansitra tqawwi l-qalb għall-ġejjieni. Huwa l-punt ukoll fejn il-familja tingħata referenzi għal appoġġ u servizzi offruti b’rabta ma’ dik il-kundizzjoni partikolari.
Preżenti għall-konferenza kien hemm iċ-ChairPerson tal-Positive Parenting Task Force Ruth Rose Sciberras. Waqt l-istess konferenza, kienu msemmija esperjenzi reali ta’ persuni li għaddew minn sitwazzjonijiet simili, bil-għan li jagħtu kuraġġ lil familji oħra li għaddejien minn esperjenzi simili u titqajjem aktar kuxjenza fost il-professjonisti fuq is-suġġett.
Ritratt: DOI / Jason Borg