Titħabbar Għotja Lill-Koppji Li Kkanċellaw It-Tieġ Jew Unjoni Ċivili
Il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol iħabbar li l-għotja għal rifużjoni ta’ depożiti mħallsa għal tiġijiet u ċerimonji tal-unjoni ċivili li ġiet imħabbra fl-2020 bħala part mill-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika se tiġi estiża mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021.
Il-Ministu Clyde Caruana saħaq li l-gvern huwa konxju li dan ġara minħabba restrizzjonijiet li ġew imposti minħabba l-pandemija u b’hekk, setgħu tilfu d-depożiti li kienu diġà ħallsu. Għalhekk, il-Gvern ħass li kellu jintervjeni u estenda l-għotja għal matul l-2021 kollha.
Il-ministru qal li għall-ewwel darba, minn din l-għotja se jibbenefikaw ukoll dawk il-koppji li żżewġu iżda kkanċellaw il-festin tagħhom.
Għal din l-iskema hemm allokazzjoni ta’ €2 miljun u din se tibqa’ fis-seħħ sakemm din l-allokazzjoni tiġi utilizzata kollha. Kull koppja tista’ tibbenefika sa €2,000 u tista’ tapplika darba biss.
Il-kriterji eliġibbli għal din il-miżura huma:
- Koppji li ċ-ċerimonja tat-tieġ/unjoni ċivili tagħhom kienet oriġinarjament mistennija li ssir bejn it-8 ta’ Marzu 2020 u t-31 ta’ Diċembru 2021.
- Koppji li kellhom depożiti mħallsa fuq oġġetti u servizzi relatati maċ-ċerimonja tat-tieġ/unjoni ċivili tagħhom kif pprovat mid-dokumenti ppreżentati
- Dawk li se jipprovdu s-servizzi għad-data l-ġdida tat-tieġ jistgħu jkunu differenti minn dawk ibbukkjati għall-ewwel data tat-tieġ.
Għal aktar informazzjoni u biex japplika, wieħed għandu jżur is- sit: https://finance.gov.mt/en/Services/Pages/Grants.aspx.