Titnieda L-Aġenzija Maltija Għall-Ekonomija Ċirkulari
Waqt it-tnedija tal-Aġenzija Maltija għall-Ekonomija Ċirkulari, magħrufa ukoll bħala CEMalta, ġie spjegat kif din l-aġenzija ser isservi bħala regolatur, bl-għan li tħeġġeġ soluzzjonijiet innovattivi li jwasslu għal ekonomija ċirkulari.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ CEMalta, l-inġinier Anthony Rizzo spjega l-prinċipju bażiku t’ekonomija ċirkulari; l-użu fit-tul ta’ riżorsi fejn il-forma jew il-ġeneru tar-riżorsa jistgħu jinbidlu.
L-aġenzija msemmiha qiegħda twettaq il-ħidma tagħha sabiex din is-sena tqassam madwar 300 ‘reverse vending machines’ madwar pajjiżna. Dan ser ikompli jħeġġeġ ir-riċiklaġġ tal-kontenituri tax-xorb. Il-konsumaturi jkunu jistgħu jsegwu mill-qrib il-Beverage Container Refund Scheme.
Il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ppjanar, Aaron Farrugia kkonferma l-importanza li qiegħed jagħti dan il-Gvern li dan is-settur u elenka l-ħidma li ser tkun qiegħda twettaq l-aġenzija sabiex pajjiżna jagħmel trażizzjoni lejn zero-waste.
Il-Ministru Farrugia sostna li l-pjan t’azzjoni tal-aġenzija ser jimxi id f’id mad-diversi miżuri li diġà tħabbru f’dan il-qasam, bħal projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ plastik li jintuża darba biss. Ħabbar ukoll li flimkien mal-ERA ser titfassal skema bl-għan li jitnaqqsu l-eluf ta’ tunnellati ta’ tyres li jintremew ta’ kull sena, u li fil-ġimgħat li ġejjin ser isir ftehim sabiex jiġi indirizzat l-iskart tal-kostruzzjoni.