Titnieda L-Kampanja ‘Industrija Tal-Films Sostenibbli’
“Illum qed niċċelebraw l-ħidma, l-bżulija tan-nies tagħna, li jaħdmu fl-industrija tal-films f’Pajjiżna. Kienu l-crew tagħna li żammew l-industrija tal-films f’Pajjiżna għaddejja minn ġenerazzjoni għal-oħra.” qal il-Kummisarju tal-Films Johann Grech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Clayton Bartolo semma kif l-industrija tagħti kontribut b’saħħtu lill-ekonomija lokali, u għalhekk il-viżjoni tal-Gvern hija li jkompli jsaħħaħ din l-industrija, kemm b’investiment fl-infrastruttra tal-faċilitajiet li noffru, kif ukoll bil-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol għal kulħadd, mhux biss għal ftit.
“Il-viżjoni tagħna hija li minn industrija staġjonali s-settur tal-films jinbidel f’opportunita ta’ karrieri permanenti għal ġenerazzjoni ta’ issa u dik li ġejja. Irridu naraw li t-tfal tagħna ma jarawx il-films biss fuq it-televiżjoni imma jkunu parteċipi f’industrija li kull ma jmur dejjem qegħda tikber u issir reżiljenti,” saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.
Il-kampanja ‘Industrija tal-Films Sostenibbli’, bil-messaġġ ewlieni ‘kun parti mis-success’, qed iżżid l-għarfien tal-industrija lokali tal-films, bl-għan li tħajjar aktar nies jidħlu jaħdmu f’din l-industrija biex b’hekk tinħoloq industrija sostenibbli fejn kulħadd igawdi minnha.
“L-ambizzjoni tagħna hija li noħolqu karrieri. U m’aħniex ser nieqfu noħolmu li noħolqu ‘a world-class film industry’ f’Malta” sostna l-Kummissarju tal-Films Johann Grech.