Titqiegħed L-ewwel Ġebla Taċ-Ċentru Akkwatiku U Sportiv f’Għawdex
Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri assistew għat-tqegħid tal-ewwel ġebla taċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv ġdid f’Għawdex.
Dan il-proġett qed isir b’investiment globali ta’ €16-il miljun, se jara l-bini ta’ pixxina ta’ daqs Olimpiku u numru ta’ faċilitajiet ġodda, fosthom għall-ġinnastika, basketball, badminton, squash, wall climbing, acrobatics, weightlifting, aerobics, yoga, martial arts u faċilitajiet oħra fejn jista’ jintlagħab sport ieħor fuq ġewwa. Barra minn hekk, iċ-ċentru sportiv se jkun mgħammar ukoll b’faċilitajiet tal-aqwa livell għal kull min jagħmel użu minnu, fosthom b’kmamar tal-ewwel għajnuna.
Il-Prim Ministru Robert Abela wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-progess ta’ dan il-proġett u kif, għall-ewwel darba, Għawdex se jkollu kumpless akkwatiku u sportiv fil-qalba tal-gżira. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fisser dan il-proġett bħala kruċjali għall-qasam sportiv f’Għawdex filwaqt li se jkun sors ewlieni għat-tkabbir ekonomiku f’din il-gżira. Dan hekk kif mistenni joħloq niċeċ ġodda u jattira atleti u gruppi barranin u professjonali lejn Għawdex.
Huwa semma kif minn dan il-proġett se jgawdi l-poplu Għawdxi, filwaqt li se jtaffi mill-iskariġġ li għandhom bosta atleti Għawdxin tal-waterpolo bħalissa, hekk kif ta’ kuljum dawn ikollhom jaqsmu lejn Malta biex jitħarrġu. Il-Ministru Camilleri qal li t-tqegħid tal-ewwel ġebla jfisser li diġà sar xogħol sostanzjali fejn tidħol eskavazzjoni, shoring tas-sit u l-madwar, kif ukoll il-pedamenti kollha. Hawn spjega li issa bdiet tielgħa l-istruttura tal-kumpless li mistennija tkun lesta dan is-Sajf.
Bħalissa x-xogħlijiet fuq dan iċ-ċentru, li huwa mifrux fuq medda ta’ madwar 5,000 metru kwadru, jinsabu f’fażi avvanzata ta’ xogħol infrastrutturali fuq il-bini tal-pixxina.