Tnedija Ta’ Fond Għall-Iżvilupp Tal-Akkomodazzjoni Fi Ħdan L-Awtorità Tad-Djar

 Tnedija Ta’ Fond Għall-Iżvilupp Tal-Akkomodazzjoni Fi Ħdan L-Awtorità Tad-Djar

Jitniedi l-Fond għall-Iżvilupp tal-Akkomodazzjoni fi ħdan l-Awtorità tad-Djar bl-għan li flimkien mat-tisħiħ tas-soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni, jiżdiedu s-servizzi u l-faċilitajiet li jtejbu l-livell tal-għajxien fl-irħula. 

Permezz ta’ dan il-fond, l-Awtorità tad-Djar se tamministra fondi minn entitajiet, kemm pubbliċi u privati, li se jiġu investiti mill-ġdid biex titjieb il-qagħda t’eluf ta’ persuni li jgħixu f’oqsma ta’ akkomodazzjoni soċjali u l-inħawi tal-madwar. 

L-ewwel kontribuzzjonijiet ta’ dan il-fond ġejjin minn Komunità Malta u Residenza Malta, b’total ta’ €1.5 miljun. Dawn il-flus se jkunu qed jiġu trasferiti fiż-żmien tliet snin, b’pagament ta’ €250,000 kull wieħed fis-sena. Dan permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat bejn iż-żewġ entitajiet pubbliċi u l-Awtorità tad-Djar. 

Dalgħodu sar l-iffirmar ta’ ftehim bejn Jonathan Cardona f’isem Komunità Malta, Charles Mizzi f’isem Residenza Malta, u Leonid McKay f’isem l-Awtorità tad-Djar fil-preżenza tal-Ministru responsabbli mill-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, u s-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat. 

Bord maħtur apposta fl-Awtorità tad-Djar se jkun qed jamministra dan il-Fond. 

Il-Ministru Roderick Galdes qal li l-kunċett ta’ akkomodazzjoni soċjali ma jieqafx biss mad-dar imma huwa wkoll l-ambjent u l-komunità fejn jgħixu n-nies. Il-Ministru Galdes spjega kif “Dan il-fond se jwassal għat-twaqqif ta’ ċentri għall-komunità u f’għajnuna lill-għaqdiet soċjali, kulturali u sportivi fejn hemm l-akkomodazzjoni soċjali”.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat tenna li l-fondi ta’ Komunità Malta u Residenza Malta ġejjin minn inizjattivi ta’ ċittadinanza u residenza b’investiment. Is-Segretarju Parlamentari qal li “Ħafna huma dawk li qed jgħidulna li bis-saħħa ta’ fondi minn dawn l-inizjattivi, ħajjithom inbidlet għall-aħjar. Ħafna qed jifhmu li l-inizjattivi rigorużi immens tagħna qed issarfu f’ġid li qed jasal fil-komunità”.

Il-Housing Development Fund huwa mmexxi minn bord ta’ 7 membri. Iċ-Chairperson tal-bord, Charmaine Mangion, spjegat kif il-bord se jara li jiġu żviluppati proġetti soċjali ta’ kwalità li jsaħħu l-benesseri tal-komunità.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com