Wirja Qalbiena Iżda Telfa Inevitabbli Għat-Tim Malti Ta’ Taħt Il-21 Sena
Wirja qalbiena mit-Tim Nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 Sena fid-debutt ta’ Gilbert Agius bħala kowċ ma kinitx bizzejjed biex trazzan il-ħeffa u s-superjorita tat-Tim Nazzjonali tal-Qatar ta’ Taħt it-23 Sena li ħareġ rebbieħ 5-0 kontra ż-żgħażagħ Maltin.
Fil-ħinijiet inizjali l-plejers Maltin bdew jaqsmu l-logħob mal-avversarji u kienu huma li ħolqu l-ewwel periklu bi frikik insidjuż tal-captain Ayrton Attard fir-4 minuta li mar ftit barra.
Mal-ħin il-Qatar bdew jiksbu s-supremazija u skurjaw xejn anqas minn 5 darbiet, anki jekk sa 8 minuti mit-tmiem konna għadna qed nitilfu bl-iskor ta’ 0-2 sakemm waslu 3 gowls li tnejn minnhom ġew minn penalties.
Fl-14 minuta Sylla ddistingwa ruħu billi salva f’żewġ tentattivi u fl-istess azzjoni r-referee Kroat Ante Čuljak wera l-karta s-safra lill-attakkant tal-Qatar Lotfi Madjer.
Fit-18-il minuta kien Glenn Attard li nterċetta azzjoni perikoluza, filwaqt li minuta wara Zak Grech imblokka xutt b’saħħtu tal-captain Ali Karami.
Fit-22 minuta t-tim Malti sofra l-ewwel gowl, meta wara azzjoni ta’ korner id-difiża Maltija naqset li tikklerja u kien Andri Syahputra li approfitta u tefa’ lil Qatar fil-vantagg.
Il-Qatar komplew jasseddjaw id-difiża Maltija u kien Jassem Abdulsallam li laqat il-lasta b’xutt li deher destinat għal ġewwa fis-26 minuta, biex tliet minuti wara pass ta’ Ali Karami lejn Ahmed Alganehi, li waħdu quddiem Sylla kellu l-konklużjoni tiegħu salvata mill-goalkeeper Malti mgħejjuna mil-lasta l-wieqfa.
Fit-38 minuta wasal it-tieni gowl. Kienet azzjoni mibdija minn frikik, il-ballun wasal għand Rabeh Boussafi wara li d-difiza Maltija naqset li tikklerja, b’xutt b’saħħtu ma’ tax ċans lil Sylla jsalva.
Sat-tmiem l-ewwel taqsima t-tim Malti prova jagħmel reazzjoni u f’kontrattakk veloċi kien Jamie Carbone li għadda l-ballun lil Aleandro Garzia, iżda minkejja ġirja tajba ma’ sabx l-ispazju neċessarju u l-azzjoni sfumat fix-xejn.
It-tieni taqsima kompliet fuq l-istess andament u Sylla ddistingwa ruħu b’ħarġa tajba fuq Jassim Al-Mehairi fis-56 minuta.
Biż-żewġ timijiet iwettqu għadd ġmielu ta’ sostituzzjonijiet, fl-64 minuta ħarba fuq il-lemin ta’ Aleandro Garzia spiċċat bi kross tiegħu jiġi klerjat b’diffikulta mid-difiża avversarja.
Il-plejers Maltin komplew iżidu l-isforzi tagħhom u fil-71 minuta Marcus Grima kellu frikik imblukkat, sabiex fit-82 minuta kien Jassim Al-Mehairi li għamilhom 3-0 wara azzjoni tajba ta’ Nasser Al-Yazidi fuq il-lemin.
Ir-rizultat kompla jsir xejn rispettabbli meta fl-84 minuta s-sostitut Kenley Scerri ffawlja fil-kaxxa u mill-ħdax-il metru Nasser Al-Yazidi għeleb lill-goalkeeper sostitut Cain Formosa u għamel l-iskor 4-0.
Wara li Formosa salva tajjeb fuq konklużjoni perikoluża ta’ Jassim Al-Mehairi, huwa ma seta’ jagħmel xejn fid-89 minuta meta l-istess Al-Mehairi skorja minn penalty ieħor wara foul ieħor fil-kaxxa mis-sostitut Gianluca Sciberras.
Fl-aħħar ħinijiet reġa’ kien l-aħjar plejer Malti Aleandro Garzia li b’ġirja sabiħa ġie mwaqqaf b’daħla kerha minn Yacine Lafrid biex safa’ muri l-karta s-safra mir-referee Culjak.
Kien evidenti d-diżappunt fuq wiċċ il-plejers Maltin mat-tisfira finali, li ċertament jidhru li ħassew il-waqfa tal-kampjonat f’Marzu li għadda minkejja l-isforzi tagħhom għal ħarġa pożittiva f’dan il-konfront diffiċli kontra avversarji sentejn akbar minnhom fl-eta u fiżikament aktar preparati.
Referee: Ante Čuljak (Kroazja)
Ass Ref 1: Dejan Vuković (Kroazja)
Ass Ref 2: Mile Varivoda (Kroazja)
4th Official: Ante Maleš (Kroazja).