Zenpharm Tikseb Il-Liċenzja Maltija Biex Tipproduċi L-Kannabis Mediċinali

 Zenpharm Tikseb Il-Liċenzja Maltija Biex Tipproduċi L-Kannabis Mediċinali

Il-Ġimgħa l-kumpanija Kanadiża Zenabis ħabbret li li l-joint venture tagħha f’Malta, ZenPharm Ltd, irċeviet il-Liċenzja tal-Kannabis Mediċinali mill-awtoritajiet regolatorji Maltin.

Din il-liċenzja ssegwi fuq iċ-ċertifikazzjoni preċedenti tal-EU GMP maħruġa mill-Awtorità Maltija għall-Mediċini f’Jannar 2021.

Skont il-qafas regolatorju Malti, il-liċenzja tal-Kannabis Mediċinali hija r-rekwiżit finali sabiex kumpanija tibda topera f’dan il-qasam. Din il-liċenzja tawtorizza lil ZenPharm biex tibda tesporta lejn l-Unjoni Ewropea, fejn il-Ġermanja hija l-iktar suq prominenti fil-mira ta’ ZenPharm.

ZenPharm għandha ftehim ta’ provvista ma’ klijent ibbażat fil-Ġermanja biex tipprovdi minn tal-inqas 500kg ta’ kannabis mediċinali fis-sena. Għal dan il-għan minn din is-sena, ZenPharm se tkun qed tirċievi sa 300kg minn Zenabis fil-Kanada.

ZenPharm se tvara wkoll prodotti tal-kannabis mediċinali għad-distribuzzjoni fis-suq Malti, filwaqt li mistennija tidħol ukoll fis-suq Pollakk fil-bidu tal-2022.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ ZenPharm, Angele Azzopardi, qalet: “Filwaqt li GMP Certificate isaħħaħ l-pożizzjoni ta’ ZenPharm fl-istrateġija globali ta’ Zenabis, il-kisba tal-Liċenzja tal-Kannabis Mediċinali hija strumentali għall-viżjoni tal-joint venture tagħna. Aħna kburin ħafna bl-isforzi u d-dedikazzjoni bla waqfien tat-tim. Il-kisba ta’ din il-liċenzja tkompli turi l-istandards għoljin tal-qafas regolatorju Malti biex tkun assigurata l-ogħla kwalità fi prodotti mediċinali tal-kannabis.”

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli qalet: “Din l-aħbar hija kisba oħra importanti fit-twaqqif tal-industrija tal-kannabis mediċinali wara li dan il-Gvern kellu l-viżjoni li jistabbilixxi din in-niċċa ekonomika ġdida għal Malta. Il-leġiżlazzjoni ġibdet numru ta’ kumpaniji li, wara spezzjoni bir-reqqa mill-Awtorità Maltija għall-Mediċini, tinħarġilhom il-liċenzja ta’ produzzjoni.”

“Numru ta’ startups bħalissa qegħdin ukoll iħarsu lejn Malta biex jistabbilixxu l-operazzjonijiet tagħhom tar-riċerka u l-innovazzjoni. Din in-niċċa tifforma parti mill-istrateġija usa’ tagħna bħala ġurisdizzjoni għal attivitajiet relatati mal-produzzjoni ta’ farmaċewtiċi, apparat mediku, medtech u life sciences. Oqsma li kollha joffru opportunitajiet ta’ impjieg ta’ kwalità u valur miżjud għall-ekonomija tagħna. Nixtieq nirringrazzja kemm lill-Malta Enterprise kif ukoll lill-Awtorità Maltija għall-Mediċini tal-ħidma tagħhom biex dan kollu qed jsir realtà,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Malta Enterprise, l-aġenzija nazzjonali għall-iżvilupp ekonomiku li taqa’ taħt il-portafoll tal-Ministru Dalli, kienet kruċjali biex tgħin lill-kumpanija tibda l-operat tagħha f’Malta.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, responsabbli għall-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini spjega li din il-liċenzja hija kisba essenzjali għal-kannabis għall-użu mediku fl-industrija farmaċewtika.

Hu qal li billi nipproduċu din il-mediċina skont l-istandards tal-UE-GMP inkunu qed niggarantixxu li l-pazjenti qed jirċievu prodotti li joriġinaw mill-avvanzi xjentifiċi fil-Kannabis Mediku li huma tal-ogħla kwalità, l-aktar siguri, u effettivi fis-suq.

F’Diċembru 2020 l-Awtorità Maltija għall-Mediċini ħarġet ukoll liċenzja għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali lil kumpanija Kanadiża oħra, Aphria. Intant ix-xahar li għadda, il-kumpanija Iżraeljana TechforCann ħabbret li se tkun qed tistabbilixxi l-ewwel startup accelerator Ewropew għall-industrija tal-kannabis mediċinali f’Malta. Dan il-proġett kien appoġġjat ukoll mill-Malta Enterprise permezz ta’ finanzjament li se jgħin lill-istartups li jintgħażlu biex jipparteċipaw fil-programm ta’ accelerator TechforCannEU.

 

Dwar Zenabis

Zenabis huwa koltivatur ewlieni Kanadiż liċenzjat tal-kannabis għall-użu mediku u rikreattiv. Zenabis timpjega ħaddiema minn pajjiżi differenti, bi tliet faċilitajiet Kanadiżi liċenzjati f’Atholville, New Brunswick; Langley, il-British Columbia; u Stellarton, Nova Scotia. Zenabis isservi swieq internazzjonali direttament u bi sħubija mal-joint venture tagħha, ZenPharm, li topera minn Birżebbuġa, Malta. Zenabis tqassam prodotti u derivattivi tal-kannabis taħt l-ismijiet tad-ditta Zenabis, Namaste u Re-Up.

 

Dwar Zenpharm

ZenPharm Limited, li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha f’Malta, hija kumpanija farmaċewtika liċenzjata bis-sħiħ bl-UE-cGMP li tispeċjalizza fil-kannabis mediċinali. ZenPharm hija ffokata li tibni għarfien espert farmaċewtiku li jikkonċerna b’mod predominanti l-ipproċessar tal-kannabis fi prodotti lesti f’forma ta’ dożaġġ li huma kemm konvenzjonali kif ukoll innovattivi fis-sistema tagħhom. Fuq kollox ZenPharm tistinka biex tmur lil hinn mill-konvenzjonali, filwaqt li żżomm il-kura tal-pazjent fil-qalba ta’ dak kollu li tagħmel.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com