Żewġ Atti Favur Il-Persuni B’Diżabilità Joħorġu Għall-Konsultazzjoni Pubblika

 Żewġ Atti Favur Il-Persuni B’Diżabilità Joħorġu Għall-Konsultazzjoni Pubblika

Dalgħodu ħarġu għall-konsultazzjoni pubblika l-Att tal-2021 li jemenda l-Att dwar Opportunitajiet Indaqs u l-Att dwar il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

Il-Konsultazzjoni Pubblika fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ atti fetħet, u tagħlaq nhar l-Erbgħa, 16 ta’ Ġunju, fil-11.59 ta’ filgħaxija. Wieħed jista’ jipparteċipa billi jidħol fis-sit https://konsultazzjoni.gov.mt.

Permezz ta’ dan l-att se jkun qed jinħoloq qafas legali domestiku għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, kif ukoll jingħata lok sabiex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jitolbu rimedju, meta ssirilhom diskriminazzjoni fir-rigward tad-drittijiet li teżiġi l-Konvenzjoni.

Permezz ta’ dan l-abbozz qed jinħolqu jew u jiġu ċċarati l-għodod li bihom persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jitolbu tali rimedju, filwaqt illi tissaħħaħ il-pożizzjoni tas-CRPD bħala r-regolatur nazzjonali fis-settur tad-diżabilità.

Waqt it-tnedija għall-Konsultazzjoni Pubblika ta’ dan l-Att, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli stqarret li l-proposti tanġibbli huma li:

  • Sejrin jissaħħu l-poteri tas-CRPD fil-qasam ta’ investigazzjonijiet, compliance u infurzar, tramite d-Direttorat tiegħu għall-Investigazzjonijiet, Konformità u Infurzar, biex hekk niġu in regola mal-obbligi tal-Konvenzjoni, u jitwettaq ukoll dak li hemm imwiegħed fil-Manifest Elettorali tal-Gvern f’dan ir-rigward ;
  • Se jingħata wkoll aċċess ta’ veru għall-ġustizzja lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom, kif jitlob l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni, billi jitwaqqaf panel fi ħdan is-CRPD illi jiġġudika talbiet żgħar fejn tidħol diskriminazzjoni taħt il-Konvenzjoni ;
  • Inżammet il-possibilità li jsiru kawżi ċivili fir-rigward ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabilità, fejn it-talba tkun tinkludi wkoll talba għal danni ;
  • Dan l-Abbozz qiegħed ukoll jintroduċi emendi li jsaħħu t-Test of Reasonableness Board (ToRB) li joħroġ mill-Att dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità), u l-operat tiegħu.

Wara li Malta ffirmat il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità fl-2007, u rratifikatha fl-2012, issa għandha l-obbligu li tgħaddi l-liġijiet neċessarji sabiex din tiġi implimentata lokalment. Għalkemm partijiet minn din il-Konvenzjoni diġà ddaħħlu fil-liġi tagħna permezz tal-Att dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità) (Kap. 413), illi ġiet ukoll emendata fl-2016, numru ta’ affarijiet illi tesiġi l-Konvenzjoni xorta waħda għadhom mhumiex parti mil-liġi tagħna.

L-għan ta’ din il-liġi huwa li tagħti lok sabiex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jitolbu rimedju, meta ssirilhom diskriminazzjoni fir-rigward tad-drittijiet li teżiġi l-Konvenzjoni. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li din il-liġi tipprovdi wkoll sabiex jitwaqqfu:

  • Struttura fi ħdan il-Gvern Malti sabiex jimplimenta l-Konvenzjoni – id-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità ;
  • Struttura nazzjonali ta’ kordinament imsemmija mill-Konvenzjoni biex tiffaċilita d-djalogu bejn ministeri u dipartimenti differenti;
  • Forum ta’ parteċipazzjoni għas-soċjetà ċivili, imsemmi mill-Konvenzjoni.

Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella saħaq li dawn iż-żewġt liġijiet huma wirja ċara li l-persuni  b’diżabilità u l-qraba tagħhom qegħdin fiċ-ċentru. Il-parteċipazzjoni hija importanti f’din il-konsultazzjoni u jemmen li dawn il-liġijiet se jġibu riformi tant meħtieġa.​

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan enfasizzat l-importanza tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-persuni b’diżabilità, il-familji tagħhom u l-għaqdiet li jirrapreżentawhom f’dan l-istadju tal-konsultazzjoni pubblika, sabiex jiġi assigurat illi dawn il-liġijiet, li fuqhom se jkun imsejjes il-futur ta’ dan is-settur, ikunu rappreżentativi għax-xewqat u l-interessi tagħhom.​

Waqt din il-konferenza stampa, il-koordinatur, Uffiċċju għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, Dr Alistair de Gaetano għamel ukoll preżentazzjoni fuq il-proċess talkonsultazzjoni pubblika.
Ritratt: DOI / James Galea
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com