Żewġ Cruiseliners Se Jibdew ‘Homeporting’ Mill-Port Il-Kbir
Minn Lulju li ġej, id-ditta mondjali tal-cruiseliners Viking, permezz tal-cruiseliners tagħha Viking Venus u Viking Sea, se tkun qiegħda tagħmel homeporting mill-Port il-Kbir għal 11-il destinazzjoni fil-Mediterran.
Dawn l-istess vapuri se jkunu qegħdin isalpaw lejn il-Kroazja, il-Greċja u l-Italja, u fosthom ukoll il-gżira Għawdxija u mistennija jattiraw turisti Amerikani li se jkunu diġà vaċċinati mill-COVID-19.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port u Kap Uffiċjal Operattiv ta’ Global Ports Holding Stephen Xuereb.
Il-Ministru Bartolo rrimarka kif dawn l-istess cruiseliners iħaddmu protokolli tas-saħħa tal-ogħla livell, fejn ta’ kuljum crew u passiġġieri ta’ dawn l-istess cruiseliners se jkunu suġġetti għal testing permezz ta’ dak li jissejjaħ bħala ‘non-invasive saliva PCR test’.
“Il-mod kif se taħdem Viking huwa eżempju ċar ta’ kif qegħdin naraw is-saħħa pubblika u t-turiżmu jimxu id f’id flimkien. Dan hekk kif turisti Amerikani se jkunu qegħdin iqattgħu ljieli f’pajjiżna, li minnhom se tkompli tibbenefika l-ekonomija Maltija,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.
Saħaq ukoll kif il-gvern se jkompli jaħdem biex jattira iżjed cruiseliners li jibdew il-vjaġġi tal-cruises tagħhom minn Malta.
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port u Kap Uffiċjal Operattiv ta’ Global Ports Holding Stephen Xuereb saħaq kif, minkejja l-waqfa fl-industrija tal-cruising, kien żmien impenjattiv għal Valletta Cruise Port fejn, flimkien ma’ numru ta’ stakeholders, saret ħidma importanti fuq numru ta’ inizjattivi, fosthom il-proġett tal-Grand Harbour Clean Air li se jkun qiegħed inaqqas aktar minn 90% tat-tniġġiż tal-arja fiż-żona tal-Port il-Kbir b’investiment ta’ €49.9 miljun.