Żvilupp Importanti Dwar Qtil Ta’ 3 Snin Ilu f’Għawdex – Serb Mistenni Jitressaq Il-Qorti Mixli Bil-Qtil
Fl-aħħar sigħat seħħ żvilupp importanti fil-qtil ta’ Walid Salah Abdel Motaleb Mohammed, Eġizzjan ta’ 42 sena li nqatel kiesaħ u biered f’Jannar ta’ tliet snin ilu fi trejqa qabel l-għelieqi fl-Għarb.
Fis-sigħat li ġejjin, il-Pulizija mistennija tressaq il-qorti raġel Serb u tixlih b’dan l-omiċidju li kien l-ewwel wieħed tas-sena l-2018.
L-Eġizzjan missier ta’ żewġt itfal kien inqatel b’żewġ tiri sparati mill-qrib, wieħed f’għonqu u l-ieħor f’sidru. Huwa kien joqgħod Marsalforn.
Il-mottiv wara dan id-delitt baqgħet qatt ma ġiet magħrufa, madankollu jidher li fl-aħħar sigħat, il-Pulizija rnexxielha tarresta lill-persuna li allegatament kien wara dan l-omicidju.
Dwar il-każ kienet infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud waqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija tmexxew mill-Ispettur Keith Arnaud u Bernard Spiteri.