11-Il Organizzazzjoni Jibdew Kampanja Ta’ Ġbir Ta’ Fondi Għal Azzjonijiet Legali Kontra L-Proġett Tad-DB
11-il organizzazzjoni se jiftħu azzjonijiet legali kontra l-approvazzjoni tal-proġett tal-Grupp DB f’Pembroke mill-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Fi stqarrija, il-Moviment Graffitti qal li dawn l-azzjonijiet legali jġibu magħhom spejjeż legali u professjonali kbar u għalhekk qed iduru fuq l-għajnuna tal-pubbliku.
Il-Moviment Graffitti fakkar li l-permess tal-2018 kien tħassar wara kampanja li saret u jinsab determinat li jiġġieled ukoll il-permess li ħareġ din il-ġimgħa. Il-bord tal-awtorità approva dan il-proġett b’erba’ voti favur u tlieta kontra.
Il-Ħamis li għadda l-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar approva l-proġett City Centre, tal-Grupp DB f’Pembroke, li ser isir b’investiment ta’ €250 miljun. Fil-preżentazzjoni tagħhom il-periti tal-proġett qalu li l-pjanti l-ġodda jnaqqsu l-impatt negattiv tal-bini, b’inqas sulari u iktar spazji pubbliċi. Spjegaw li l-għan wara d-disinn jibqa’ li joħolqu attrazzjoni arkitettonika f’din iż-żona.
Il-11-il organizzazzjoni li bdew il-kampanja huma ACT Malta, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Ramblers Association of Malta, Rota, Sustainable Built Environment Malta u The Archaeological Society Malta.