Aħbar Sabiħa Għax-Xena Mużikali Maltija – Sejħa Għall-Proposti Ta’ Musicals…
Aħbar verament sabiħa għal dawk kollha li jħobbu x-xena mużikali Maltija u l-ispettaklu magħha hekk kif illum, il-Kunsill Malti għall-Arti, flimkien ma’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, ħarġu sejħa għall-produzzjoni ta’ musicals oriġinali bil-lingwa Maltija li ser jittellgħu bejn Lulju u Awwissu ta’ kull sena għal perjodu ta’ ħames snin (2022-2026).
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo.
Is-sejħa li qed tinħareġ taħt l-awspiċji taż-żewġ Ministeri timmira li tipprovdi appoġġ stabbli għal produtturi li jixtiequ jiżviluppaw u jipproduċu teatru mużikali oriġinali bil-Malti.
“Din is-sejħa tiġbor flimkien diversi dixxiplini artistiċi filwaqt li tipprovdi lill-udjenzi bi produzzjonijiet oriġinali fil-lingwa Maltija. Jien konvint li l-benefiċċji ta’ din is-sejħa huma akbar mill-investiment li sar u se jkollhom effett pożittiv fuq firxa wiesgħa ta’ operaturi fl-industriji kreattivi u kulturali,” sostna Albert Marshall, il-President Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Din kapaċi tkun ukoll niċċa oħra turistika għal pajjiżna fejn barranin ikunu jixtiequ jaraw produzzjonijiet lokali bil-lingwa tagħna.
Linji gwida u aktar dettalji dwar din is-sejħa u dwar kif wieħed japplika huma disponibbli fuq www.artscouncil.mt. L-applikazzjonijiet għandhom jaslu online sa nofsinhar tal-4 ta’ Lulju 2021. Għal appoġġ u għajnuna, wieħed jista’ jikkuntattja lill-Kunsill Malti għall-Arti.
Ritratt Prinċipali: Teatru Salesjan