Approvat Il-Proġett Ta’ Flyover U Mina Taħt L-Art Minflok Ir-Roundabout Ewlenija Ta’ Ħal Luqa

 Approvat Il-Proġett Ta’ Flyover U Mina Taħt L-Art Minflok Ir-Roundabout Ewlenija Ta’ Ħal Luqa

L-Awtoritá tal-Ippjanar approvat il-proġett tal-Junction ta’ Ħal Luqa biex flok ir-roundabout prinċipali ta’ Ħal Luqa tibni junction b’livelli differenti fir-rotot ewlenin bejn Ħal Qormi, Santa Luċija, il-Marsa, il-Gudja, l-Ajruport, il-mini ta’ Ħal Kirkop u Birżebbuġa.

Infrastructure Malta laqgħet id-deċiżjoni tal-awtorità u qalet li flimkien mal-proġett tal-mini f’Ħal Kirkop li għaddej bħalissa, dan il-proġett se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar b’74% filwaqt li jtejjeb il-kwalità tal-arja fl-inħawi – sa 9.1 tunnellati inqas trabijiet fini (materja partikulata) u 33,000 tunnellata inqas dijossidu tal-karbonju fl-arja kull sena.

Il-proġett ġie approvat f’laqgħa li saret illum waranofsinhar fejn sab l-oġġezzjoni tal-Moviment Graffitti li fuq il-paġna ta’ Facebook qal li l-awtorità approvat it-teħid ta’ 2,375 metru kwadru ta’ art għal dak li sejħet bħala eżerċizzju inutli għat-twessiegħ ta’ toroq.

Qalet li minkejja l-appelli ta’ bdiewa u residenti fiż-żona, li tul is-snin tilfu 4,500 metru kwadru ta’ art agrikola li ġew esproprijati, il-Perit ta’ Infrastructure Malta Robert Zerafa saħaq li l-proġett kien meħtieġ minħabba konġestjoni kbira f’din iż-żona.

Il-flyover ġdida ta’ Luqa Junction Project se testendi 220 metru biex tipprovdi korsija diretta li tgħaqqad il-karreġġjata tan-Nofsinhar ta’ Triq San Tumas ma’ dik ta’ Vjal l-Avjazzjoni, lejn l-Ajruport, il-Gudja, Birżebbuġa u l-mini ta’ Ħal Kirkop.

Il-mina ġdida b’korsija waħda se tkun twila 60 metru u fonda aktar minn 5.5 metri. Din se tgħaqqad il-karreġġjata lejn il-punent ta’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa mal-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Triq San Tumas, biex dawk li jkunu qed jivvjaġġaw minn Santa Luċija jkunu jistgħu jibqgħu sejrin lejn Ħal Qormi mingħajr il-ħtieġa li jaqsmu minn quddiem karozzi li jkunu sejrin lejn l-Ajruport u destinazzjonijiet oħra fl-istess direzzjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com